Għada l-Ġimgħa, The Travellers se jniedu l-album debuttanti tiegħu Iljuni fis-Silġ waqt kunċert li se jtella’ fit-Teatru Palace f’Raħal il-Ġdid. F’dan l-ewwel kunċert li mistenni tattendi għalieh folla numeruża, The Travellers se jdoqq il-materjal il-ġdid mill-album.
‘Iljuni fis-Silġ’ jinkludi fih 12-il diska bil-Malti fosthom l-aħħar żewġ suċċessi Ħafi Paċi Kuluri u Ilkoll Flimkien (Jekk – Oliver Friggieri), id-diska kurrenti tagħhom.
Fil-fatt, bit-tħejjija għal tnedija tal-album, The Travellers ħarġu din is-single li għandha bidu b’ħoss differenti mir-ripertorju tagħhom, iżda l-ħoss tas-sassafon jirrikonoxxi t-timbru ta’ The Travellers. Għal din id-diska, the Travellers preżentaw vidjow tajjeb bi produzzjoni ta’ Maka Visuals b’direzzjoni artistika ta’ wieħed mill-membri tal-band, Joseph Xerri.
The Travellers ġejjin mill-gżira ta’ Għawdex. Kien iffurmat fl-2013 bl-għan li joħloq element mużikali Malti differenti.
Huma jdoqqu mużika kontemporanja mexxejja li jinkorpora element ta’ strumenti tar-ramm b’lirika vernakulari. Ħadu isimhom ta’ The Travellers għar-raġuni li bosta huma l-Għawdxin li ta’ kuljum ikollhom jaqsmu l-fliegu biex jaslu Malta għax-xogħol, studju jew għal qagħdi tagħhom.
Kienu ddebutaw bil-kbir fil-bidu tas-sena 2016 bid-diska Sempliċità. Minn hemm ´il quddiem ħarġu aktar diski li ntlaqgħu tajjeb ħafna, fosthom l-EP ‘Xemx u Xita’ li nkluda fih il-kanzunetti Sempliċità, Dak li Int, Ritratti u Stampi, Pirati u t-title track. Matul is-sajf tas-sena l-oħra kisbu aktar suċċess u popolarita bid-diska Ħafi Paċi Kuluri riflessjoni tal-ħoss il-ġdid li wieħed se jsib f’dan l-album debuttanti segwita bis-silta maħruġa riċenti Ilkoll Flimkien.
The Travellers huwa magħmul minn Chris Gatt (vocals), Andrew Vella (kitarra & backing vocals), Clayton Bonello (bass), Joseph Xerri (trumpet), Sylvano Mizzi (saxophone), u Michael Camilleri (drums).
//= $special ?>