Lokali Qorti

‘Tumble Dryer’ u ‘freezer’ jintużaw biex jerfgħu kważi 54kg kannabis

Malti u żewġ Taljani akkużati bit-traffikar tad-droga - Kważi 54kg kannabis instabu f'tumble dryer u freezers fil-Ħamrun.

Austin Mallia li qed ikun akkużat bi traffikar tad-droga qal lill-Pulizija li ma kienx jaf li kien hemm id-droga fit-tumble dryer u l-freezers li nstabu f’appartament fil-Ħamrun fit-22 ta’ Marzu li għadda.

Is-sejba saret waqt rejd li sar mill-Pulizija fl-appartament li fih kien qed jgħix Sandro Lo Presti; li huwa Taljan. Austin Mallia kien għadu kemm wassal freezer u kaxxi oħra u kien qed iħotthom quddiem l-appartament flimkien ma’ Lo Presti.

Il-pulizija spjegaw hekk u qalu li segwew ukoll lis-suspetati qabel ġara dan lejn Ta’ Qali, hemm raw il-kaxxi b’dan l-apparat. Eventwalment dawn marru l-Ħamrun quddiem il-blokk tal-appartament li kien qed hoqgħod Lo Presti. Lo Presti saq il-karozza tiegħu Kia Picanto, u ġewwa l-karozza dehru li kien hemm il-kaxxi suspettati li kienu simili ta’ dawk li raw Ta’ Qali. Kien hemm li l-pulzija intervjenew. Flimkien ma’ Lo Presti qed jiġi akkużat ukoll raġel Taljan ieħor; Michele Artale, li wkoll qed jiċħad li kien involut.

Il-Pulizija qalet li ma sabitx droga f’din il-freezer partikolari, iżda sabet ‘il fuq minn 53.9 kilogramma kannabis moħbija f’tumble dryer u freezers oħra fl-appartament. Fl-istess residenza nstabu wkoll ammonti żgħar ta’ drogi oħra, arma tan-nar u €16,000 f’kontanti.

Mallia qal li ma kienx jaf bid-droga, u li sempliċiment kien offra li jġorr il-freezer bħal ma kien diġà għamel f’okkażjonijiet oħra.

L-evidenza tal-Prosekuzzjoni, inkluż id-droga misjuba, ġiet ippreżentata llum quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri minn Kevin Pulis u Jonathan Cassar. L-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia qed jassistu Lo Presti. L-avukati Alfred Abela, Arthur Azzopardi u Rene Darmanin qed jidhru għal Artale u l-avukat Joe Giglio qed jidhru għal Mallia.

It-tliet irġiel qed jinżammu arrestati sakemm jitkompli jinstema’ l-każ.

Aqra aktar;

Tnejn arrestati wara sejba ta’ droga u arma fil-Ħamrun