Lokali Saħħa Unjoni Ewropea

Appell biex il-Gvern jistudja l-possibbiltà li jipprovdi l-‘Continuous Glucose Monitors’ għad-dijabetiċi Tip 1

Plenary session week 43 2017 in Strasbourg - Monitoring the application of EU law 2015

Il-Gvern għandu jistudja l-possibbiltà li jibda jipprovdi magni msejħa ‘Continuous Glucose Monitors’ għal pazjenti b’dijabete Tip 1 fi bżonn ġenwin. Is-sejħa saret mill-Membru Parlamentari Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech f’ittra li riċentament bagħat lill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne.

L-ittra segwiet Konferenza Nazzjonali, li kienet organizzata f’Jannar mill-MEP Malti bħala parti mill-impenn tiegħu li jirrappreżenta lill-komunità ta’ persuni li jbatu mid-dijabete. Għalkemm il-biċċa l-kbira ta’ dawn huma persuni bid-dijabete Tip 2, hemm numru konsiderevoli ta’ pazjenti li jbatu bid-dijabete Tip 1. Għaldaqstant, dan jimmerita l-attenzjoni tal-klassi politika.

Francis Zammit Dimech qal li fl-aħħar ġimgħat u xhur, numru ta’ pazjenti bid-dijabete Tip 1 għamlu kuntatt miegħu u esprimew tħassib dwar in-numru ta’ drabi li qed ikollhom jittaqbu biex jagħmlu moniteraġġ tal-livell taz-zokkor fid-demm. Dan qed iwassal ukoll għal uġigħ kontinwu li jista’ jiġi evitat.

Francis Zammit Dimech temm jgħid li jekk dawn il-magni jkunu affordabbli għall-pazjenti bid-dijabete Tip 1, speċjalment familji bi tfal dijabetiċi, dan żgur li jwassal għal riżultati ta’ trattament aħjar.