Ambjent Lokali

BirdLife tirrapporta l-ewwel każ ta’ kaċċa llegali tar-Rebbiegħa

Jinstab Bagħdan Aħmar ferut minn tiri t'arma tan-nar f'Għawdex

BirdLife Malta kkonfermat li llum ġie rrapurtat l-ewwel każ ta’ kaċċa llegali tal-istaġun tar-Rebbiegħa.

Dan hekk kif Bagħdan Aħmar midrub minn tiri fl-Għasri, fit-triq li twassal għal Ta’ Pinu, f’Għawdex.

L-għasfur tal-priża nstab b’xi feriti fi ġwenħajh wara li spiċċa midrub allegatament minn tiri ta’ arma tan-nar ftit tal-jiem ilu. Dan ikkonfermah ukoll il-‘vet’ hekk kif il-ferita kienet diġà mdewda u nfettata.

Fi stqarrija, BirdLife Malta insistiet li għalkemm dan huwa l-ewwel għasfur midrub li rċevew waqt dan l-istaġun li nfetaħ il-Ħadd li għadda, huwa t-tieni wieħed li lemħu membri tal-pubbliku, hekk kif allegatament intlemaħ Bagħdan Abjad midrub itir fl-inħawi ta’ Delimara fl-ewwel jum tal-ftuħ tal-istaġun.

F’dan l-istaġun tal-kaċċa tar-Rebbiegħa, li mistenni jibqa’ miftuħ sal-21 ta’ April, hija biss permessa kaċċa fuq is-Summiena u għaldaqstant, kaċċa fuq kwalunkwè speċi oħra – inklużi l-Gamiem hija llegali. Ta’ min wieħed jinnota wkoll li tul dan l-istaġun hija llegali l-prattika tal-insib.

BirdLife Malta sostniet li għalkemm dawn l-illegalitajiet huma ċarissimi, d-dati magħżula għal dan l-istaġun jaħbtu mal-passa tal-Gamiem u inevitabilment jinsabu f’riskju enormi li jkunu vittmi ta’ kaċċa llegali.