Fr Jethro Bajada kien ordnat saċerdot wara 10 snin ta’ studju.
F’intervista ftit siegħat qabel l-ordinazzjoni, Jethro spjega li sa meta kellu 18-il sena hu kien qed jgħix ħajja bħal ħafna żgħażagħ oħra. Spjega li waqt li ma kienx żagħżugħ “sfrattat”, kien għaddej minn żmien li fih kien fuq tiegħu, kien anke jibdel il-kulur tax-xagħar diversi drabi u anke kien għamel diversi msielet, saħansitra f’ilsienu. Spjega li b’hekk ma kienx jagħmel xejn ħażin u ma jiġġudikax lil min jagħmel dan, anzi, spjega li kien żmien li fih ma kienx jiddejjaq jesperimenta.
Madanakollu kien pellegrinaġġ li għamel 13-il sena ilu li wassal lil Jethro biex jibda mixja ġdida. Ftit ftit hu beda jħoss il-vokazzjoni li jidħol saċerdot, l-aktar li jidħol saċerdot Franġiskan Kapuċċin għaliex trabba viċin tal-Kunvent tal-Kapuċċini fil-Kalkara.
Jethro spjega li kienet mixja twila u li issa kien mument emozzjonanti li uffiċjalment ikun ordnat saċerdot flimkien ma’ 8 djakni oħra.
Staqsejt lil Jethro dwar l-aktar ħaġa li qed tbeżżgħu u spjega li l-aktar ħaġa li qed jibża’ minnha hu s-sagrament tal-qrar. Spjega li d-dnub huwa fil-profond ta’ kull persuna u l-fatt li n-nies se jibdew imorru għandu biex jistqarru dan id-dnub hija xi ħaġa mhux faċli.
Jethro qal ukoll li l-aktar ħaġa li qed tbeżżgħu hi dak il-mument li n-nies imorru jistqarru dawn id-dnubiet, għaliex minkejja l-istudju u t-taħriġ li għamel matul is-snin, xorta waħda issa li se ssir realta’, fiha ċertu eċitament.
Jethro għandu l-kapaċita’ li jdoqq il-vjolin, il-pjanu u l-kitarra u stqarr li jixtieq li fil-missjoni tiegħu iżomm dawn l-istrumenti fiċ-ċentru tat-tagħlim. Spjega li jixtieq li għandu aktar ħin biex jitħarreġ iżda bħalissa jinsab iffukat biex fit-18-il xahar li ġej jikkonkludi l-istudji tiegħu f’Ruma u wara jiġi lura Malta biex jibda jservi.
Jethro stqarr li issa li se jibda jqaddes quddiem in-nies, għandu biża’ li jieħu xi żball ġenwin, imma sostna li konvint li jekk jagħmel xi żball, dawk li se jkunu quddiemu sa jaċċettaw l-iżball.
Jethro sostna li se jikkonċentra wkoll fuq dawk iż-żgħażagħ li kif kien hu, illum iħossuhom il-bogħod mill-Knisja, u għalhekk waqt li jista’ jifhem x’qed iħossu, jista’ jkun t’għajnuna akbar għalihom.
Is-saċerdoti l-oħra huma Fra Alan Joseph Adami tal-Ordni tal-Predikaturi, Rev. Anton D’Amato mill-Parroċċa ta’ Santa Katerina Verġni u Martri, iż-Żurrieq, Rev. Bernard Micallef mill-Parroċċa ta’ Marija Annunzjata, Ħal Tarxien, Rev. Kenneth Micallef, Sależjan ta’ Dun Bosco,
Fra Kurt Mizzi tal-Ordni Karmelitan, Fra Elmar Pace tal-Ordni tal-Aħwa Minuri Kapuċċini, Rev. Giovann Tabone tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl u Rev. Alex Zammit tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl.
//= $special ?>