Ambjent Lokali

FILMAT: Il-Gvern dahru mal-ħajt se jimponi ‘taxxa’ fuq l-iskart li jarmu n-nies id-dar

Josè Herrera qal ukoll li jrid juża l-materjal tossiku mill-inċineratur magħruf bħala 'fly ash' għall-bini tat-toroq

Wara li l-Gvern falla fl-irwol tiegħu li jeduka lin-nies u jqajjem aktar għarfien dwar l-importanza tar-riċiklaġġ, issa jrid idaħħal ‘taxxa’ indiretta fuq l-iskart domestiku biex iġiegħel lin-nies jirriċiklaw bilfors… inkella jkollhom iħallsu.

Dan ħareġ mill-programm Xtra waqt diskussjoni bejn il-Ministru tas-Ambjent Josè Herrera u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Jason Azzopardi, meta l-Ministru Josè Herrera ammetta li l-Gvern irid jibda jġiegħel lin-nies iħallsu l-flus jekk ma jirriċiklawx.

“Qed nagħmel ħaġa li m’għamlux in-Nazzjonalisti qabel”, ftaħar Josè Herrera waqt li kkonferma għal darba, tnejn, li r-riċiklaġġ se jiġi obbligatorju – u li n-nies se jkollhom iħallsu jekk ma jagħmlux dan.

Għal diversi drabi, Josè Herrera ma riedx juża l-kelma ‘taxxa’, imma fl-aħħar, magħfus bil-mistoqsijiet, kellu jammetti li fl-aħħar mill-aħħar, in-nies se jkollhom iħallsu għall-iskart organiku li jarmu jekk dan ma jkunx separat.

Filwaqt li l-Gvern ta’ Joseph Muscat qed ifalli fil-qasam tar-riċiklaġġ, jirriżulta li dan huwa riżultat dirett ta’ nuqqas ta’ għarfien fost in-nies biex jirriċiklaw minn jeddhom. U issa l-Gvern ġie dahru mal-ħajt għax mhux se jilħaq il-miri li kien għamel hu stess, kif jispjega l-Kelliem tal-Ambjent Jason Azzopardi.

“Ninnota li l-Gvern, dahru mal-ħajt, issa ħa jagħmel taxxa fuq iż-żibel”, qal Jason Azzopardi, li spjega li dan il-Gvern falla għaliex m’hawnx kampanji edukattivi b’saħħithom.

“Fejn tiġi r-rata ta’ riċiklaġġ, Malta sar għandha l-agħar rekord”, qal Jason Azzopardi. “Jiena qed ngħid li m’għandniex inkunu l-agħar, iżda għandna nimmiraw li nitilgħu ‘l fuq”, żied jgħid. “Qatt ma konna f’din is-sitwazzjoni fejn qegħdin tant ‘il bogħod mill-miri tal-Gvern u tal-Unjoni Ewropea”, żied jgħid.

Waqt il-programm qamet ukoll diskussjoni dwar l-inċineratur li l-Gvern irid jibni biex jaħraq l-iskart.

Dwar dan, Jason Azzopardi nnota li minħabba l-immaniġġjar ħażin tal-iskart mill-Gvern ta’ Joseph Muscat, iż-żona li kienet inbniet apposta fil-magħtab biex jintrema materjal tossiku li joħroġ mill-inċineratur, magħruf bħala ‘Fly Ash’, illum qed tintuża għal skopijiet oħra. Li jfisser li dan il-materjal tossiku, m’hemmx fejn jintrema.

Bil-Ministru Josè Herrera jgħid li l-materjal tossiku magħruf bħala ‘Fly Ash’ se jibda jintuża għall-bini tat-toroq. “Il-‘fly ash’ huwa biss 15% li jibqa’ jintuża għat-toroq u jiġi riċiklat. Full stop”, qal Josè Herrera.

Il-Fly Ash li kien qed isemmi l-Ministru tal-Ambjent huwa trab tossiku li joħroġ mill-inċineratur li l-Gvern irid jibni.