Ir-restawr tal-Vara ta’ San Ġużepp Ħaddiem ta’ Birkirkara mid-ditta PrevArti jinsab fi stadju avvanzat sabiex titlesta fil-ħin għall-Festa Titulari ta’ din il-Parroċċa Karkariża fl-1 ta’ Mejju li ġej.
Il-Vara nħadmet fl-1972 fl-injam mid-ditta Vincenzo Moroder t’ Ortisei, Bolzano, fuq disinn tal-pittur Emvin Cremona. Biex ifakkru l-10 snin mit-twaqqif tal-Parroċċa, fl-1983 kienu saru 4 anġli b’simboli b’rabta mal-qaddis ġewwa Bolzano stess mid-ditta Raimondo Santifaller biex jikkumplementaw il-pedestall tal-istess vara.
Din il-vara, li magħmula b’teknika differenti mis-soltu, offriet sfida ġdida lir-restawraturi hekk kif ma nstabx studju xjentifiku fuq vara simili tagħha, kif spjega aħjar ir-restawratur Pierre Bugeja:
“L-ewwel nett, it-tip ta’ verniċ li jrid jintuża fil-passati finali tal-istess verniċ, apparti li jrid ikun riversibbli dejjem, irid jirrispetta anki x-xogħol artistiku ta’ din il-vara. Jekk tara l-kuluri ta’ din l-vara, l-intenzjoni tal-artist kien li jkunu velaturi, qisek għandek kulur imma fl-istess ħin kważi tista tara l-injam, ikun trasparenti bħalma huwa l-watercolour. F’vara bħal din, ma jixraqx li jkollokx verniċ li jleqq għaliex tkun qed tirrovinaha. Għalhekk, dan it-tip ta’ xogħol jixraqilha tip ta’ verniċ matt. Huwa partikolari għaliex il-verniċ ta’ barra jkollu iktar protezzjoni, bi ftit iktar xemgħa milli reżina. Iġifieri jekk titfa’ qatra fuqu, din se tiżloq u m’għandek ċans li din se tippenetra ġol-pori tal-injam.”
Peress li dan huwa l-ewwel intervent fuq din il-Vara, instab li ma ngħatatx protezzjoni fuq l-anġli tal-pedestal mill-fabbrika stess u għalhekk il-ħmieġ li kien hemm fuqhom sar parti miż-żebgħa. Kawża t’hekk, kien hemm tbajja tal-moffa fuq il-paneġġi, iż-żebgħa tal-ġwienaħ fost l-oħrajn bdiet titfarfar, u bit-trattament li ngħata inħareġ il-kulur li kważi kien intilef bil-ħmieġ u ngħatatilhom protezzjoni organika.
Il-moffa kienet evidenti ukoll fil-figura ta’ San Ġużepp Ħaddiem:
“Dawn it-tbajja, meta jiddepożita l-ilma permezz tal-kondensazzjoni meta taqa’ dik in-nida, hemmhekk jibqa’ l-ilma u tifforma l-moffa. Daw ġew ittratati b’teknika speċjali. Problema li rriżultat kien fil-partijiet fejn ikun hemm l-għoqiedi fl-injam. Biż-żmien joħroġ dak l-aċtu tar-reżina tagħhom, li jidhru qishom tbajja kannella li ħarġu biż-żmien.”
Ġiet ittratata l-ventilazzjoni u l-umdità fin-niċċa billi jitneħħew il-purtieri u ġie applikat materjal mal-ħajt li joffri insulazzjoni fin-niċċa.
Il-Vara Titulari se tinġieb lura mir-restawr nhar il-Ħadd 22 t’April filgħodu f’Purċissjoni Speċjali mis-Santwarju ta’ Santa Tereża sal-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġużepp Ħaddiem ta’ Birkirkara akkumpanjat mill-Banda San Ġużepp tal-Ħamrun.
(Ritratti: Matthew Tabone)
//= $special ?>