Diversi persuni li jgħixu f’villaġġ partikolari (li mhux se nsemmuh apposta sabiex ma nesponux l-identita’ tal-propjetarji) tkellmu ma’ dan l-istazzjon dwar prodotti tal-kannabis li qed isibu jixtru b’mod aċċessibbli immens minn ħanut partikolari – prodotti li saħansitra jistgħu jinxtraw anke minn tfal.
Dawn il-prodotti bi traċċi miż-żejt tal-kannabis jinkludu ċikkulata, cookies u lollipops tal-ħaxixa. L-istess ħanut qed ibiegħ te’ tal-kannabis, li skont min imexxi l-ħanut “hu kompletament legali”.
Il-prodotti in kwistjoni qed jiġi reklamati bħala prodotti li fihom ingredjent li jintuża fil-kannabis mediċinali (Żejt CBD) li llum tista’ tinxtara biss bil-preskrizzjoni medika.
Tabib li għamilna kuntatt miegħu qalilna li l-bejgħ ta’ dawn il-prodotti minn ħanut ma jistax isir, għaliex trid tgħaddi mill-konferma tas-Supretendent tas-Saħħa. “Hemm proċedura li trid issegwi”, qalilna dan it-tabib.
Fil-fatt, ir-riċetta tat-tabib għall-użu ta’ kannabis mediċinali trid tkun approvata mis-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika.
Tkellimna ukoll ma’ avukat illi spjegala li jekk il-prodott in-kwistjoni hu mingħajr Tetrahydrocannabinol (THC), allura dan ikun prodott legali. “Trid tiċċekja l-ingredjenti sew”, qalilna l-avukat. Sors ieħor spjegalna li għalkemm iċ-ċikkulata bil-kannabis taf tkun ‘legali’, din żgur ma tistax titpoġġa’ għall-bejgħ.
Il-ħanut partikolari li qed ibiegħ dawn il-prodotti li fiha estratti tal-kannabis għamilha ċara fuq Facebook li l-prodotti fihom biss estratti ta’ żejt tal-ħaxixa magħruf bħala CBD (cannabidiol), u mhux THC.
Investigazzjoni ta’ Net Live
Il-programm NET LIVE qabbad persuna kompliċi li mar jixtri ċikkulata ta’ dan it-tip illi tiswa’ madwar €4. Fuq wara taċ-ċikkulata wieħed jara li fost l-ingredjenti hemm 10% hemp seeds – żerriegħa li ġejja mill-kannabis u li teknikament mhix kontra l-liġi.
Fil-lista tal-ingredjenti ta’ din iċ-ċikkulata, la hemm t-THC u lanqas s-CBD. Illi jfisser li strettament, din iċ-ċikkulata mhix illegali. Iċ-ċikkulata hi magħmula fil-Belġju mill-kumpanija The Canna Chocolatiers.
Matul il-jum għaddejna numru ta’ domandi lill-Pulizija dwar jekk hux legali li jinbiegħu dawn il-prodotti.
//= $special ?>