Hekk kif bdiet il-kumpilazzjoni dwar sejba ta’ droga lesta għat-traffikar ingħad fil-qorti li d-droga instabet fis-suffett tal-kamra ta’ lukanda f’Tas-Sliema u b’kollox instabu 88 kapsula bi droga.
Gerson Abiaka jinsab akkużat li ttraffika 1.2 kilogrammi ta’ droga kokaina. Abiaka għandu 33 sena u hu minn Saint Laurent Du Maroni.
L-ispettur mill-iskwadra ta’ kontra d-droga Kevin Pulis qal quddiem il-maġistrat Neville Camilleri kif il-pulizija rċeviet informazzjoni li Abiaka kellu d-droga fil-kamra tal-lukanda tiegħu. Ladarba il-pulizija kellha l-mandat għall-tfittxija fil-kamra tiegħu id-droga nstabet fil-kamra tal-banju. Minbarra d-droga nstabu wkoll 125 ewro fi flus kontanti.
Min-naħa tiegħu Abiaka ċaħad li hu kien jaf bil-preżenza tad-droga u qal li kien jinsab Malta għall-vaganza qasira wara li kellu inkwiet familjari fi Franza. Hu qal li ma kellu l-ebda kuntatt ma persuni f’Malta.
Il-qorti kienet infurmata wkoll li r-raġel rrifjuta li jagħti l-passwords tal-mobile tiegħu u l-marki tas-swaba u kien hawn li ġie arrestat.
Mistoqsi mill-avukat Franco Debono jekk id-droga kienetx evidenti mal-ewwel l-ispettur pulis qal li kien hemm panel minn tas-suffett imċaqlaq u kkonferma wkoll li l-akkużat kien ilu fil-kamra tal-lukanda għal jumejn sħaħ.
Uffiċjal ieħor tal-pulizija qal li l-akkużat beda jirtgħod meta nstabet id-droga fis-suffett.
Il-każ ikompli nhar it-Tlieta.
//= $special ?>