L-Arċisqof Charles Scicluna s-Sibt filgħodu se jordna 2 djakni djoecasani u 7 djakni reliġjużi bħala saċerdoti f’ordninazzjoni saċerdotali li se ssir fil-KonKatidral ta’ San Ġwann, il-Belt.
IN-NAZZJON iltaqa’ mad-Djaknu, Anton D’amato, mill-Parroċċa ta’ Santa Katarina taż-Żurrieq, u staqsejnieh kif ħejja ruħu spirtwalment għall-Ordinazzjoni Saċerdotali t’għada:
“Ftit taż-żmien ilu, aħna d-9 djakni kellna irtir ta’ 7 ijiem fis-silenzju biex tipprepara ruħek. Naħseb huma s-7 snin kollha fis-Seminarju li jippreparawk ġurnata b’ġurnata biex tasal f’dan il-punt. Ovvjament ikun hemm ftit eċitament ukoll iżda kulħadd jagħmillek kurraġġ. Imbagħad, meta tiġi fejn il-baħar, trid taqbeż u mhux tħares lejh.”
Staqsejnieh minn fejn ġietu l-vokazzjoni għas-saċerdozju:
“L-ewwel darba li ħassejt is-sejħa għas-saċerdozju kienet meta kont l-Università. Għalkemm għamilt xi żmien inwarrabha, imbagħad fl-aħħar ħassejt li kelli niddixxernieha meta kelli ngħarbel ħajti u nara f’liema direzzjoni għandi neħodha. U hemm ħassejt li Alla kien qed isejjaħli għas-Saċerdozju.”
It-triq għas-saċerdozju hija kemmxejn twila hekk kif is-seminaristi jridu jħejju lilhom infushom għal 7 snin:“Kienu 7 snin fejn sibt ħafna għajnuna minn ħafna nies. Ħafna nies għamluli kurraġġ kbir. Allura, bl-għajnuna t’Alla u ta’ ħafna nies, b’mod speċjali tal-familja, għamilt dawn is-7 snin ta’ preparazzjoni li mhux dejjem kienu faċli. Imma kien f’dak iż-żmien li ħassejtni kuntent f’dak li kont qed nagħmel.”
Preżentament, id-Djaknu Anton D’Amato huwa assenjat fil-Parroċċa ta’ Santa Marija Assunta tal-Imqabba.
//= $special ?>