Edukazzjoni Lokali

Il-Gvern jinsisti u jgħid li se jżid l-awtonomija fl-Università

Imma ċ-Chairperson tal-Kunsill tal-Università se jibda jkun magħżul direttament mill-Prim Ministru

Il-Gvern, permezz tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, qal li l-proposti li qed iressaq fl-abbozz ta’ liġi dwar it-tibdil fl-Università jżidu u mhux inaqqsu l-awtonomija tal-Università ta’ Malta.

Il-Ministeru qal dan f’ittra mibgħuta lil NET News anke jekk l-istess abozz ta’ liġi jdaħħal kunċett ġdid li jbiddel il-mod kif tintgħażel il-persuna li tmexxi l-Kunsill tal-Università, l-organu li jiggverna l-Università.

Dan hekk kif bl-abbozz imressaq mill-Gvern, iċ-Chairperson tal-Kunsill se jibda jiġi magħżul direttament mill-Prim Ministru. Il-Kunsill tal-Università jieħu fost l-aktar deċiżjonijiet importanti għall-Università.

Imma l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol qal, fl-ittra tiegħu, li l-proposti li qed iressaq il-Gvern jiftħu l-bibien tad-demokrazija u t-trasparenza fl-Università u jnaqqsu l-influwenza tal-Gvern, ikun min ikun, minn din l-istituzzjoni.

Il-Ministeru qal ukoll li l-Gvern se jkun qed inaqqas mill-possibiltà ta’ maġġoranza ta’ voti għal terz biss. “Fil-kunsill, fis-senat u f’oqsma oħra, iż-żieda fil-poteri qed jingħataw lill-Università u speċjalment lill-istudenti li fl-aħħar se jkunu jistgħu jsaħħu l-vuċi tagħhom f’din l-istituzzjoni”, temm jgħid il-Ministeru.

Tibdil fl-Università ta’ Malta: Il-Prim Ministru jrid jibda jagħżel iċ-chairperson tal-Kunsill direttament hu