Futbol Sport

L-aġent ta’ Pogba u Donnarumma jinsab f’pajjiżna

Mino Raiola
Mino Raiola wasal Malta ilbieraħ

L-aġent popolari Taljan Mino Raiola jinsab Malta għal btala ta’ ftit jiem. Hu jinsab f’pajjiżna flimkien ma’ kuġinuh Vincenzo.

Dan ikkonfermawh sorsi differenti, u nies li raw lil Raiola l-lejl li għadda f’lukanda partikolari f’San Ġiljan.

Mino Raiola, li għandu 50 sena, hu l-aġent ta’ plejers tal-futbol rinomati fosthom Paul Pogba, Romelu Lukaku, Marco Verratti, Zlatan Ibrahimovic u l-gowlkiper ta’ Milan Gigio Donnarumma.

Fil-passat Raiola kien involut fit-trasferiment ta’ Denis Bergkamp minn Ajax għal għand Inter (1993) u ta’ Pavel Nedved minn Lazio għal għand Juventus (2001).

Il-kontroversji li jdawwru lil dan il-personaġġ huma bosta. Sentejn ilu, hu xtara d-dar li kien juża Al Capone f’Miami għall-prezz ta’ €9 miljuni wara li kien ikkonkluda t-trasferiment rekord ta’ Pogba ma’ Manchester United.