Internazzjonali

L-eks President tal-Afrika t’Isfel akkużat b’korruzzjoni

Jacob Zuma, l-eks-President tal-Afrika t’Isfel kien akkużat formalment b’korruzzjoni. Dan b’rabta ma’ kummerċ tal-armi li kien sar fis-snin disgħajn.
Zuma deher quddiem l-Ogħla Qorti f’Durban għal 15-il minuta fejn inqrat l-akkuża u mbagħad il-proċess kien aġġornat għat-8 ta’ Ġunju. Zuma, li għandu 75 sena, qed iħabbat wiċċu ma’ 16-il akkuża ta’ korruzzjoni, frodi u ħasil ta’ flus.
Akkużi li kienu ilhom jiġru wara Zuma imma evita sakemm kien President. Imma fi Frar, wara pressjoni kbira interna, hu kellu jirriżenja mill-poter.
Zuma kien Deputat President meta seħħ il-każ. Hu akkużat li aċċetta flus mingħand il-kumpanija tal-armi Franċiża Thales. B’rabta ma’ dan il-każ, il-konsulent finanzjarju tiegħu Schabir Shaikh fl-2005 kien instab ħati ta’ korruzzjoni u kundannat il-ħabs.