Il-Malta Developers Association (MDA) fi stqarrija kkundannat l-azzjoni ta’ numru ta’ attivisti ambjentali li ilbieraħ irnexxielhom jisfrattaw laqgħa pubblika tal-Awtorità tal-Ippjanar, li fiha kellha tkun diskussa applikazzjoni għal pompa tal-petrol.
“L-MDA temmen li kwistjonijiet bħal dawn m’għandhomx iwasslu biex issir pressjoni illegali fuq il-membri tal-Awtorità. Tkun xi tkun il-kwistjoni, id-deċiżjonijiet jeħtieġ li jittieħdu bil-kalma u mingħajr ebda pressjoni ta’ tip jew oħra.”
Fl-istqarrija insistiet illi filwaqt li tirrikonoxxi d-dritt tagħhom li jipprotestaw u jsemmu leħinhom, tikkundanna aġir ta’ dan it-tip. Bil-mod kif aġixxew dawn l-attivisti ma setax ikun hemm smiegħ ġust.
L-MDA fakkret li hi stess ma qablitx mal-proposta dwar il-policy fuq il-petrol stations meta din kienet miftuħa għal konsultazzjoni pubblika, filwaqt li oħrajn ma irrealizzawx kemm din il-policy kienet potenzjalment ta’ ħsara għall-ambjent.
Filwaqt li l-MDA qablet li hemm bżonn li jiġu riveduti xi policies, fosthom tal-fuel stations, wieħed irid ukoll jikkonsidra d-drittijiet ta’ min ikun investa u applika skond policies ċari biex ma ssirx diskriminazzjoni u inġustizzja kontrih.
//= $special ?>