Lokali

Residenti Karkariżi jilmentaw dwar toroq li jinsabu fi stat diżastruż f’Birkirkara

It-telqa li teżisti f’Birkirkara wasslet biex numru ta’ residenti minn żewġ toroq partikolari lmentaw ma dan l-istazzjon dwar is-sitwazzjoni diżastruża li jinsabu fihom it-toroq FS Caruana u anke Triq Anġlu Mallia.

Ir-residenti ta’ Triq FS Caruana li tkellmu ma NET News qalulna li x-xogħol f’din it-triq beda u wasal sal-fażi tat-tkissir u baqa’ hekk sal-lum. Residenti lmentaw mal-kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza Laburista imma x-xogħol baqa’ ma tkompliex.

Tant hu hekk li kif jixhdu l-filmati ix-xogħolijiet kienu wasslu wkoll għal-livell ta’ tqattigħ ta’ culverts iżda waqfu a hemm u għalhekk tħalla l-periklu minħabba li tlesta nofs xogħol. Ir-raġuni li qed tingħata lir-residenti hi li l-Kunsill Lokali ma għandux flus biex ikompli dan il-proġett u dan minkejja d-diffikultajiet kollha li qed jaffaċjaw ir-residenti.

Triq oħra f’Birkirkara li tinsab fi stat diżastruż hi Triq Anġlu Mallia. Anke f’dan il-każ ilmenti li saru mal-Kunsill Lokali ma wasslu għal imkien għax it-toroq baqgħu f’dan l-istat. Residenti f’din it-triq spjegaw li minħabba l-istat li tinsab fiha hemm periklu ta’ xi inċident jew inkella li jġarrbu ħsarat il-vetturi tagħhom.

Anke f’dan il-każ Net news jinsab infurmat li dawn il-proġetti ma sarux minħabba nuqqas ta’ flus li għandu l-Kunsill Lokali.