Malta laħqet ftehim biex parti sostanzjali mill-iskart elettroniku maħżun fiċ-ċentri tal-iskart goff f’Malta u Għawdex jiġi esportat għat-trattament u r-riċiklaġġ.
WEEE Malta hija l-ikbar Skema awtorizzata f’Malta għall-ġbir ta’ skart elettroniku u tirrappreżenta 380 impurtatur. Iltqajna ma’ Sergio Mallia minn WEEE Malta li tkellem magħna fuq l-iskemi tagħha biex timmaniġġja l-iskart elettroniku f’Malta:
“L-ewwel ma nagħmlu hija sistema li jgħidulha take-back, meta l-produtturi u importaturi membri tal-WEEE Malta, li jpoġġu fis-suq materjal elettroniku jew tal-elettriku, huma marbuta bil-liġi li jiffinanzjaw miżuri biex materjali li qed jintrema fl-aħħar mill-aħħar ikun miġbur, ittrattat u riċiklat skont l-aqwa standards Maltin u Ewropej. Hawn għandna żewġ skemi ta’ ġbir, ġbir li nagħmlu direttament mingħand il-produtturi tagħna u l-iskema ta’ ġbir mingħand iċ-ċentri ta’ skart goff li topera l-Wasteserv. Għall-ewwel darba llum, il-WEEE Malta qed tesporta materjali barra minn Malta għaliex f’pajjiżna m’għandniex impjanti li jagħmlu dan it-tip ta’ trattament.”
WEEE Malta se tkun qed tesporta u tirriċikla mal-ħames mitt tunnellata ta’ skart tal-elettriku u elettronika fil-maġġoranza tagħhom fridges, freezers u settijiet tat-televiżżjoni. Dan l-ammont huwa skont l-ammont ta’ materjal li jinsab fiċ-ċentri tal-Wasteserv u skont il-proporzjon allokat lill-Iskema abbażi ta’ kemm il-membri ta’ WEEE Malta jpoġġu fis-suq.
Il-materjal elettroniku li jinħażen fiċ-ċentri tal-iskart goff tal-Wasteserv huwa ġġenerat fil-maġġoranza tiegħu mill-materjal li jinġabar bieb bieb bis-servizz tal-Bulky Refuse mill-Kunsilli Lokali jew dak li jieħdu minn jheddhom ir-residenti. Fl-2017, WEEE Malta ġabret madwar elf tunnella ta’ skart elettroniku għar-riċiklaġġ, kwart minnhom kienu fridges u freezers.
WEEE Malta appellat lill-istakeholders kollha f’dan il-qasam, inkluż il-Gvern u l-Awtorità kompetenti biex jikber l-għarfien u l-infurzar f’dan is-settur biex l-Industrija tkun tista’ tibqa’ terfa’ r-responsabilità mingħajr ma’ titlef il-kompetittività meħtieġa b’dannu għall-ambjent u l-ħolqien ta’ green jobs.