Lokali

Żieda ta’ 17% fil-passiġġieri li għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fix-xitwa

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ospita ’l fuq minn 1.8 miljun passiġġier fix-xitwa, li għall- industrija tal-avjazzjoni tibda f’Novembru u tispiċċa f’Marzu. Dan isarraf f’żieda ta’ 17.0% fuq il- perjodu kumparabbli ta’ qabel.

Għalkemm is-sajf jibqa’ l-istaġun li fih l-ajruport jilqa’ l-akbar numru ta’ passiġġieri, ix-xtiewi għall- Ajruport Internazzjonali ta’ Malta dejjem qed isiru aktar impenjattivi, prinċipalment b’riżultat ta’ ħidma kollaborattiva sabiex Malta tiġi promossa bħala destinazzjoni attraenti tul is-sena kollha.

Eżerċizzju li jsir kull xahar fost passiġġieri li ma jkunux qed jivvjaġġjaw għal finijiet ta’ negozju, żvela li għall-perjodu bejn Novembru u Frar*, il-kultura u t-temp kienu l-aktar żewġ fatturi li attiraw turisti lejn Malta. Barra minn hekk, 97% qalu li l-gżira laħqet l-aspettattivi tagħhom.

Iż-żieda fin-numru tal-passiġġieri ġiet irreġistrata b’mod parallel ma’ żieda ta’ 16.6% fil-movimenti tal-ajruplani u żieda ta’ 18.1% fil-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet; tkabbir li rriżulta minn skeda tax- xitwa li offriet ħames rotot ġodda u titjiriet bi frekwenzi mtejbin fuq rotot eżistenti. Min-naħa l-oħra, is-seat load factor (SLF) naqas marġinalment u kien ta’ 77.2% għall-istaġun.

L-aqwa ħames swieq tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kienu ir-Renju Unit (+11.6%), l-Italja (+12.9%), il-Ġermanja (+14.7%), Franza (+20.9%), u l-Belġju (-3.7%), li flimkien kienu responsabbli għal aktar minn 1.3 miljun moviment tal-passiġġieri mit-traffiku totali tal-ajruport għax-xitwa.

Filwaqt li x-xhur kollha tax-xitwa esperjenzaw tkabbir b’żewġ ċifri, Marzu kiber bl-aktar rata mgħaġġla, jiġifieri dik ta’ 22.5%. Il-vaganzi tal-Għid u t-tnedija ta’ skeda tas-sajf li toffri aktar minn 100 destinazzjoni kienu fatturi kontribwenti importanti għall-prestazzjoni mtejba sinifikattivament ta’ Marzu.

Issa li beda s-sajf, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta diġà inawgura 12-il rotta ġdida għall-istaġun, u ser ikun qed iniedi aktar rotot f’April. Dan minstenni jikkontribwixxi għal żieda fin-numru ta’ passiġġieri li jgħaddu mill-ajruport, iżda bi tmien check-in desks addizzjonali u Żona tal-Iskrining tas- Sigurtà ġdida bħala parti mill-Proġett ta’ Rikonfigurazzjoni tat-Termninal tal-kumpanija, l-ajruport ser ikun f’pożizzjoni li jopera b’mod aktar effiċjenti.