Futbol Sport

Futbol: Senglea jaċċertaw posthom fil-Kampjonat Premier

Stewart Said

SENGLEA A……………………….5
MOSTA………………………………2

Senglea Athletic huma ċerti li staġun ieħor jilagħbu fil-Kampjonat Premier wara li għelbu lil Mosta 5-2 biex jinsabu momentarjament disa’ punti fuq possibbiltà ta’ play-off, iżda minħabba li fadal il-konfront bejn Tarxien u St. Andrews, allura Senglea huma salvi.
Mosta fuq in-naħa l-oħra sofrew il-ħames telfa konsekuttiva u għal ħames darba fl-istaġun sofrew ħames gowls.

Partita li fiha Senglea ddettaw il-logħob u kisbu rebħa meritata bi plejers bħal Gonzalo Virano u Matias Garzia jispikkaw f’nofs il-grawnd. Mosta għamlu ħafna mill-ħin jiġru wara r-riżultat u fl-aħħar minuti żbilanċjaw ruħhom.

Tliet bidliet għal Paolo Favaretto mit-telfa kontra Balzan. Jonathan Bondin beda fin-naħa leminija tad-difiża flok Gonzalo Leyton, Gonzalo Virano reġa’ daħal f’nofs il-grawnd flok Hubert Vella u Augusto Rene Caseres daħal fil-fażi offensiva flok Braian Volpini.

Tliet bidliet ukoll għal Johann Scicluna mit-telfa kontra Balzan. Kurt Magro, Emmanuel Agyemang u Giordano Trovade daħlu f’nofs il-grawnd flok Ismael Bangoura, Giovanni Nuti u Ivan Maric, b’Dexter Xuereb jilgħab fuq in-naħa leminija tad-difiża.

Senglea fetħu l-iskor fid-19-il minuta. Xuttijiet ta’ Matias Garzia u Gonzalo Virano kienu parzjalment blokkati minn Tyrone Farrugia, bil-ballun jispiċċa għand Augusto Rene CASERES li minn quddiem Andreas Vella ma żbaljax.

Reazzjoni minn Mosta li ġabu d-draw fil-25 minuta meta d-difiża ta’ Senglea naqset li tbiegħed il-periklu minn free-kick ta’ Veronese, bil-ballun jispiċċa fid-direzzjoni ta’ Damir BARTULOVIC li għeleb lil Matthew Farrugia b’xutt mid-dawra fuq it-tieni lasta.

Senglea reġgħu marru minn fuq qabel tmiem l-ewwel taqsima. Kien xutt fil-baxx minn pożizzjoni ċentrali ta’ Terence Vella li kien salvat parzjalment minn Vella, b’Gonzalo VIRANO jkun pront u jiskurja mir-rebound f’lasta vojta.

It-tim ta’ Favaretto rnexxielu jirdoppja l-vantaġġ fis-56 minuta meta reġa’ kien Gonzalo VIRANO li ttanta xortih b’xutt mid-distanza, bil-ballun jispiċċa jaqbeż lil Andrea Vella. Mosta pruvaw iwettqu reazzjoni u resqu qrib tliet darbiet lejn nofs it-tieni taqsima.

Żewġ daqqiet ta’ ras ta’ Agyemang u Zachary Brincat li għaddiet ftit għoli, biex fit-68 minuta, Steve Bonnici salva minn fuq il-linja daqqa ta’ ras ta’ Bartulovic.

Senglea laqtu l-wieqfa fis-77 minuta b’xutt ta’ Hubert Vella minn barra l-kaxxa li kien salvat minn Vella bl-għajnuna tal-wieqfa. Iżda żewġ minuti wara Mosta daħlu fil-partita b’mossa akrobatika minn tarf il-kaxxa l-kbira ta’ Tyrone FARRUGIA li għelbet lil Farrugia.