Il-Festa l-Kbira llum laħqet il-qofol tagħha hekk kif l-erba’ vari rispettivi tal-Belt Valletta – dik ta’ San Pawl, San Duminku, Santu Wistin u dik tal-Madonna tal-Karmnu ltaqgħu fi Pjazza San Ġorġ fil-qalba tal-Kapitali. Hemmhekk l-Arċisqof Scicluna mexxa mument ta’ talb.
Il-Festa kienet tinkludi l-parteċipazzjoni tal-Knisja Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu, tal-Basilika ta’ Porto Salvo u San Duminku, il-Parroċċa ta’ Santu Wistin u l-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu. Ħadu sehem ukoll iż-żewġ soċjetajiet tal-banda tal-Belt, dik ta’ La Valette u dik tal-King’s Own.
Il-programm inkluda li l-vari wara li jiltaqgħu fi Pjazza San Ġorġ jimxu Triq ir-Repubblika lejn id-daħla tal-Belt. Hemm mill-ġdid jieqfu fi Pjazza Ħelsien, quddiem il-Parlament u wara l-purċissjoni terġa’ tinqasam f’erba’ biex il-vari jimxu lejn il-knejjes rispettivi tagħhom.
Intant iċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mal-Festa l-Kbira bdew il-Ġimgħa filgħaxija permezz ta’ kunċert li sar fi Pjazza San Ġorġ mis-Soċjetà Filarmonika King’s Own u s-Soċjetà Filarmonika La Valette il-Belt Valletta.
//= $special ?>