Stewart Said
TARXIEN R……….3
BALZAN…………..1
Il-liders Balzan sofrew daqqa ta’ ħarta fl-aspirazzjonijiet tagħhom li jirbħu l-ewwel kampjonat fl-istorja, wara li sfaw megħluba minn Tarxien Rainbows. B’dan ir-riżultat, Balzan ma għadhomx fil-kontroll, għaliex jekk Valletta jirbħu t-tliet partiti li fadlilhom ikunu huma li jirbħu l-kampjonat.
Dan ir-riżultat kien importanti wkoll għal Tarxien li issa jinsabu ħames punti fuq Naxxar Lions b’żewġ partiti għat-tmiem. Tarxien lagħbu logħba kważi perfetta fejn kienu tattikament dixxiplinati filwaqt li Balzan kellhom jiġru wara r-riżultat, u minkejja li fit-tieni taqsima kienu aħjar ma rnexxielhomx isibu x-xibka biex imorru fil-vantaġġ.
Tarxien kienu għoddhom fetħu l-iskor wara seba’ minuta meta Ricardo Faria ħa vantaġġ minn spazju fid-difiża ta’ Balzan, avvanza daħal fil-kaxxa u minħabba li kien issikkat, qassam lejn Boubacar Traore li skorja mill-viċin, iżda l-assistent referee għolla l-bandiera għal offside.
Balzan kellhom il-kontroll tal-logħba iżda naqsu jkunu perikolużi quddiem il-lasta ta’ Andrea Cassar. Kien fil-35 minuta li l-logħba kellha żvolta. Ricardo Faria krossja mix-xellug b’mod perfett lejn Boubacar TRAORE li b’daqqa ta’ ras preċiża qabbeż fuq Sean Mintoff.
Ir-reazzjoni ta’ Balzan waslet fil-41 minuta. Bojan Kaljevic ikkontrolla l-ballun u xxutja bid-dawra minbarra l-kaxxa, iżda Andrea Cassar kien attent u blokka fil-ħin.
It-tim ta’ Micovic temm it-taqsima fuq l-attakk b’ċans ieħor din id-darba ta’ Alex da Paixao Alves li ġibed għan-nofs b’azzjoni personali iżda x-xutt finali tiegħu għadda għoli.
Balzan ħarġu aħjar fit-tieni taqsima u fil-50 minuta Andrea Cassar żamm lit-tim tiegħu minn fuq meta salva tajjeb xutt fuq il-ġirja ta’ Uros Ljubomirac. Tliet minuti wara, ċans ieħor għal Balzan bi kross fil-baxx ta’ Steve Bezzina, b’da Paixao Alves jidħol tajjeb iżda kkonkluda barra.
Balzan laqtu l-lasta fit-58 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Michael Johnson li ħabtet mal-mimduda, biex żewġ minuti wara, Cassar salva xutt minn barra l-kaxxa ta’ Paul Fenech.
Tarxien irduppjaw fl-74 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Eduard CALIN li ħasad lil Sean Mintoff. Balzan reġgħu daħlu fil-logħba fit-78 minuta b’xutt fil-baxx għar-rokna ta’ ALEX DA PAIXAO ALVES.
It-tim ta’ Micovic kompla jżid il-pressjoni u fit-83 minuta appellaw bl-aħrax għal penalty għal fawl fuq Milos Lepovic, iżda minflok ir-referee Fyodor Zammit wera l-karta safra lill-plejer, li kienet it-tieni waħda tiegħu, biex Balzan kellhom ikomplu l-logħba b’raġel anqas.
L-affarijiet komplew ġejjin ħżiena għal Balzan hekk kif kif-86 minuta Tarxien għamluhom 3-1, b’Samba TOUNKARA jegħleb lil Mintoff b’xutt fil-baxx wara li daħal tajjeb fil-kaxxa.
//= $special ?>