Futbol Sport

KAMPJONAT BOV PREMIER: Gżira eqreb li jilagħbu fl-Ewropa staġun ieħor

Stewart Said

NAXXAR L………….0
GŻIRA U……………..2

Il-ħolma ta’ Gżira United li jilagħbu fil-UEFA Europa League staġun ieħor kompliet tersaq li ssir ir-realtà wara li kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva u s-seba’ riżultat utli.

Ir-rebħa ta’ 2-0 kienet meritata iżda l-logħba kienet kkundizjonata fl-ewwel parti tal-ewwel taqsima, b’Naxxar ikollhom jilagħbu b’raġel anqas filwaqt li sofrew penalty kontra.

Fit-tieni taqsima n-Naxxarin pruvaw iwettqu reazzjoni, iżda t-tieni gowl ta’ Amadou Samb għalaq il-logħba. Din it-telfa tkompli tpoġġi lil Naxxar f’sitwazzjoni diffiċli biex isalvaw posthom mal-kbar.

Il-kowċ Gżirjan Darren Abdilla għamel bidla waħda mir-rebħa kontra Senglea b’Zack Scerri jilgħab flok l-indispost Moises Avila Perez. Fuq in-naħa l-oħra, Oliver Spiteri għamel erba’ bidliet mit-telfa kontra Floriana. Duane Bonnici rritorna fid-difiża, Mohamed Belhadj u Daniel Bustos bdew f’nofs il-grawnd, b’Daren Falzon jibda bħala attakkant prinċipali.

Naxxar sofrew daqqa ta’ ħarta wara biss 13-il minuta meta r-referee De Gabriele keċċa b’karta ħamra diretta lil Daren Falzon għal daqqa fuq Clifford Gatt Baldacchino. Gżira marru qrib li jiftħu l-iskor fis-17-il minuta, b’Harun Garba jqabbeż fuq Polli Gomes, iżda Mailson Souza Duarte rnexxielu jdawwar f’korner bir-ras.

Mill-korner, Gżira ngħataw penalty wara li r-referee ġġudika ġibda ta’ Mohamed Belhadj fuq Destin Mambouana, deċiżjoni li qajmet protesti kbar minn Naxxar, bil-gowlkiper sostitut Omar Borg jitkeċċa minn fuq il-bank għal protesti. Wara tliet minuti, il-penalty ngħata b’Amadou SAMB jegħleb lil Polli Gomes mill-11-il metru.

Il-logħba naqset ftit mir-ritmu b’Gżira jikkontrollaw il-logħba, iżda kienu Naxxar li ħolqu periklu fil-35 minuta b’xutt fil-baxx ta’ Duane Bonnici li kien salvat parzjalment minn Curmi, b’Yuri Messias ma jirnexxilux jiskorja mir-rebound.

Naxxar ħarġu aħjar fit-tieni taqsima u fit-53 minuta reġa’ kien Duane Bonnici li impenja lil Anthony Curmi b’xutt fil-baxx iżda l-gowlkiper Gżirjan kien attent u salva tajjeb. Curmi reġa’ salva kwarta wara xutt angolati ta’ Bustos.

Gżira għalqu l-logħba fid-69 minuta bi kross mil-lemin ta’ Roderick Briffa fuq ras Amadou SAMB li mill-viċin għeleb lil Polli Gomes. Naxxar pruvaw jidħlu fil-logħba iżda għajr xutt insidjuż ta’ Yuri Messias kwarta mit-tmiem li għadda ftit barra, ma kinux perikolużi.
Juan Corbolan resaq qrib li jagħlaq il-logħba bit-tielet gowl għal Gżira, iżda x-xutt djagonali tiegħu għadda ċentimetri barra.