Keane Cutajar
BIRKIRKARA……………………………………………….1
HIBS………………………………………………3
Tliet gowls f’temp ta’ seba minuti fit-tieni taqsima taw rebħa kbira lil Hibernains kontra tim Karkariż li lagħab għal 45 minuta b’10 plejers.
L-ewwel taqsima kienet waħda kemmxejn frustranti għaż-żewġ timijiet għax kellha ħafna waqfien wara daħliet li sarfu fi freekicks u waqfien għal xi injuries, b’ Hibernians ikunu l-iktar perikolużi.
Hibernians baqgħu jkunu superjuri fit-tieni taqsima u meritatement rebħu l-partita.
Wara disa minuti Timothy Tabone Desira żmarka lil Marcelo Dias li avvanza fil-kaxxa iżda waħdu quddiem Kristjan Naumovski tefa’ kemm kemm barra.
Tliet minuti wara, Jurgen Degabriele rċieva kross mix-xellug u bir-ras falla l-mira bi żbrixx.
Fl-24 minuta żball difensiv ta’ Nikola Vukanac fit-tentattiv tiegħu lura bir-ras lejn il-gowlkiper wassal biex Joseph Mbong spiċċa waħdu quddiem l-istess gowlkiper iżda kellu t-tentattiv tiegħu salvat minn Naumovski wara li ma rnexxilux iqabbeż il-ballun minn fuqu fost il-frustrazzjoni tal-kowċ Mario Muscat.
Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima, Jackson Lima daħal tajjeb waħdu quddiem Naumovski u mattar saqajh biex laħaq il-passaġġ li żmarkah fit-tentattiv biex jiftaħ l-iskor iżda il-gowlkiper tal-istripes kien tajjeb ħareġ minn postu u b’saqajh dawwar f’korner. F’din l-azzjoni Mislav Andelkovic kien ammonit fuq xi protesti.
Il-partita kompliet u l-istess Andelkovic daħal daħla kerha fuq plejer ta’ Hibernians f’nofs il-grawnd u r-referee Malcolm Spiteri wrieħ it-tieni karta safra biex it-tim ta’ Paul Zammit spiċċaw bi plejer anqas.
Fit-53 minuta ħarba kien Dias li daħal tajjeb mil-linja xellugija qabel qeleb il-logħob lejn Degabriele li kien pressat mill-gowlkiper ta’ Birkirkara qabel xeħet għoli.
Żewġ minuti wara, Birkirkara rrispondew b’xutt ta’ Carlos Alberto Da Silva Goncalves Junior li ukoll għadda għoli.
It-tim ta’ Mario Muscat kompla jkun superjuri u fis-56 minuta reġa’ kien Degabriele li għamel spazzju għalih nnifsu qabel xeħet barra biex minuta wara l-istess plejer kellu t-tentattiv tiegħu salvat tajjeb minn Naumovski.
Il-pressjoni tat-tim minn Raħal Ġdid sarfet f’gowl fit-62 minuta meta kien Jackson LIMA li bi ġmiel ta’ daqqa ta ras minn kross ta’ Clayton Failla xeħet fir-rokna tax-xibka.
Hibernians saħansitra għamluhom tnejn ħames minuti wara meta Degabriele għadda lejn MBONG li kellu x-xutt tiegħu mejjun mill-wieqfa qabel daħal ġewwa.
Għaddew biss żewġ minuti u DEGARIELE għamilhom tlieta b’xutt li venven is-saqaf tax-xibka biex tefa’ lit-tim tiegħu f’qagħda ferm komda u lis-sapporters f’dillirju ta’ ferħ.
Meta kien fadal kwarta logħob, Degabriele reġa’ kien protagonista daħal waħdu ma’ Naumovski iżda għamel l-impossibli u falla ċans tad-deheb, bil-gowlkiper tal-istripes ikun tajjeb ħafna jsalva dak li kien gowl ċert.
Fid-90 minuta is-sostitut Ognjen Rolovic kien imwaqqa fil-kaxxa minn Tabone Desira bil-r-referee jordna penalty. Mill-ħdax-il metru l-istess ROLOVIC ma żbaljax biex naqqas l-iskor.