Keane Cutajar
LIJA A………………………………………………………1
ST. ANDREWS………………………………………………2
Quddiem attendenza minima ta’ mhux aktar minn 50 ruh, St. Andrews akkwistaw tliet punti mportanti li jistgħu jiswew mitqlu deheb fi triqthom biex isalvaw fil-Kampjonat Premier, meta għelbu lit-tim diġa’ relegat ta’ Lija Athletic bl-iskor ta’ 2-1.
L-ewwel azzjoni marret in-naħa ta’ Lija Athletic meta kien Erjon Beu li pprova lejn il-lasta minn pożizzjoni angolata, xutt li iżda kien ċentrali u faċli għal Matthew Calleja Cremona.
Ir-risposta ta’ St. Andrews waslet fid-29 minuta wara li xogħol tajjeb ħafna u persistenza ta’ Misael Miranda Gomez f’nofs il-grawnd wassal għal ballun fuq il-lemin għand Degran Jackson li minn barra l-kaxxa venven xutt li sampa mil-lasta, b’Jonathan Martinelli jkun megħlub.
Minuta wara, eżattament ma’ nofs siegħa logħob, Lija resqu viċin iżda Calleja Cremona mblokka tajjeb u mir-rebound il-logħob waqaf fuq senjalazzjoni ta’ offside.
Lija komplew jippruvaw jiftħu l-iskor u kienet azzjoni personali ta’ Beu tliet minuti wara li waslet għall-konklużżjoni li iżda kienet ċentrali.
Fis-36 minuta l-vjola marru minn fuq meta kien Kevaughn ATKINSON li rnexxilu jilħaq kross mil-lemin qabel il-gowlkiper ta’ Lija li forsi seta’ għamel aħjar, biex tefa’ ġewwa.
Appena fetħet it-tieni taqsima, St. Andrews setgħu għamluhom tnejn iżda wara li kien tajjeb għamel spazzju għalih innifsu, Kemar Reid għamel l-impossibbli u xeħet barra.
Fil-51 minuta freekick ta’ Erjon Beu għadda minn ġol-barriera ta’ St. Andrews iżda spiċċa f’idejn Calleja Cremona li salva b’faċilta.
Erba minuti wara, Reid kien sfortunat ra x-xutt b’saħħtu tiegħu jaħbat mal-wieqfa.
Fis-57 minuta it-tim ta’ Michael Woods meritatament marru tnejn minn fuq b’sparatura minn barra l-kaxxa ta’ ATKINSON li spiċċat fir-rokna tax-xibka biex għaqqad id-doppjetta personali.
Lija daħlu lura fil-partita fis-70 minuta meta kien Erjon BEU li għeleb lil Calleja Cremona minn pożizzjoni angolata mil-lemin wara passaġġ tajjeb ta’ Abubakar Bello Osagie.
St. Andrews setgħu għalqu l-partita 12-il minuta wara, meta kontra attakk veloċi protagonista tiegħu Kemar Reid wassal biex dan tal-aħħar spiċċa wiċċ imb’wiċċ ma’ Martinelli, iżda l-gowlkiper ta’ Lija kien stupend niżel f’saqajh jimblokka, qabel id-difensuri biegħdu l-periklu. Lija pressaw għal gowl tad-draw lejn l-aħħar iżda kollu kien għalxejn.
//= $special ?>