Lokali

Oliver Friggieri se jmexxi kumitat li jfakkar ġrajjiet storiċi

Oliver Friggieri se jkun qed imexxi kumitat li se jieħu ħsieb il-kommemorazzjonijiet ta’ dati storiċi importanti għal pajjiżna. Dawn huma l-100 sena mis-Sette Giugno, il-100 sena minn meta bdew id-diskussjonijiet mill-Assemblea Nazzjonali għal kostituzzjoni li fissret is-Self Government u l-40 sena anniversarju mill-Festa tal-31 ta’ Marzu.

Fi stqarrija dan ġie mħabbar u intqal li l-Professur Friggieri kien diġà mexxa l-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali mwaqqfa fl-2013, u xieraq li jerġa’ jkun hu li jmexxi dan il-kumitat li jfakkar tliet ġrajjiet importanti fl-istorja ta’ pajjiż. Il-kumitat diġà kellu l-ewwel laqgħa tiegħu.

Il-membri fil-Fondazzjoni għaċ-Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali flimkien maċ-Ċermen Oliver Friggieri huma Dr Philip Farrugia Randon, John Zarb, Gianni Zammit, il-Professur Ray Mangion, Mario Farrugia Borg, Annabelle Stivala, Albert Marshall, Lou Bondi, Jason Busuttil, Lino Farrugia u Sandro Kitcher.