Futbol Sport

Premiership: Man United jipposponu ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Man City b’rimonta fl-Etihad

Manchester City se jkollhom jistennew tal-anqas ġimgħa oħra biex jaċċertaw ruħhom mir-rebħ tal-kampjonat. Dan wara li tilfu 3-2 kontra r-rivali Manchester Utd li wettqu rimonta mill-aqwa fl-Etihad Stadium biex anke saħħew it-tieni post fil-klassifika.

Kien il-captain ta’ City KOMPANY li poġġa lit-tim tiegħu fil-vantaġġ b’daqqa ta’ ras u l-midfielder GUNDOGAN għamilhom tnejn ħames minuti wara. Hekk kif bdiet it-tieni taqsima City komplew jagħfsu u laqtu l-lasta permezz ta’ Gundogan imma wara dan iċ-ċans waqqfu jilagħbu u f’temp ta’ 90 sekonda POGBA skurja żewġ gowls biex ġab id-draw għar-Red Devils.

Fid-69 minuta d-difensur Chris SMALLING, li kellu partita negattiva, patta xi ftit għall-iżbalji tiegħu u skurja b’daqqa ta’ ras biex poġġa lil Man Utd għall-ewwel darba fil-vantaġġ, vantaġġ li dawn iddefendew sat-tmiem biex ħadu t-tliet punti.

B’din ir-rebħa Man Utd issa qegħdin 13-il punt taħt City imma dawn tal-aħħar ikunu nkurunati champions jekk ġimgħa oħra jirbħu kontra Swansea.