Futbol Sport

Suċċess għal Birżebbuġa fir-Regatta

Partitarji u qaddiefa ta’ Birżebbuġa jiċċelebraw is-suċċess tagħhom

Illum fil-Port il-Kbir saret ir-Regatta tal-31 ta’ Marzu, liema data ġiet imressqa minħabba li l-31 ta’ Marzu ta’ din is-sena ħabat Sibt il-Għid. Barra minn hekk din is-sena saret apposta sabiex tkun inkorporata fil-programm tal-Festa l-Kbira organizzata mill-Fondazzjoni Valletta 2018.

Wieħed irid jgħid li l-Port kien nieqes minn dawk l-eluf ta’ partitarji li fis-snin passati kien joħonqu s-swar tal-madwar.

Ir-riħ ma tantx għen lill-qaddiefa minħabba li beda jonfoħ lejn id-direzzjoni tagħhom iżda b’mod denju onoraw din ir-Regatta.
Kienu Birżebbuġa li rebħu l-Kategorija Open għat-tieni darba fl-istorja tal-klabb, L-ewwel suċċess tagħhom kien wasal fl-2015.

Sar-raba’ tiġrija, huma kienu fit-tieni post wara Bormla biex kienet l-aħħar tiġrija, dik tal-Pass ta’ b’Erbgħa li kellha tiddeċiedi kollox. Iżda kellha tintuża l-photo-finish biex Birżebbuġa ġew dikjarati rebbieħa u kienu segwiti minn Marsamxett u Marsa.

Kategorija B intrebħet minn Bormla li kellhom do¬minju assolut hekk kif rebħu erba’ tiġrijiet minn ħamsa. L-uniku waħda li ma rebħux kienet it-tiġrija tal-frejgatina meta spiċċaw fit-tieni post. Din kienet ir-raba’ tiġrija li bil-punti li kisbu, Bormla aċċertaw mir-rebħ tax-Shield biex il-ħames tiġrija kienet biss formalità.

Saret ukoll it-tiġrija tal-veterani tal-Pass b’Erbgħa li kienet komposta minn nofs il-korsa. Din intrebħet minn Marsamxett, bl-ekwipaġġ ikun iffurmat minn Ronnie Zammit, Martin Mifsud, Sandro Zammit u Jesmond Debattista. Dawn kienu segwiti minn Bormla, l-Isla u l-Birgu.