Lokali

300 student u studenta ġejjin f’Malta għal kungress dwar il-psikoloġija

Sentejn ta’ ħidma minn grupp ta’ studenti li qed jaħdmu bla heda biex iqajmu għarfien dwar il-problemi ta’ saħħa mentali issa ssarfet f’kungress importanti li se jsir f’pajjiżna bejn il-Ħadd 22 t’April u l-Ħadd ta’ wara, id-29 t’April.

Il-Kungress se jitratta t-temi tas-saħħa mentali, personalità u diversita’ u għalih mistennija jaslu f’pajjiżna iktar minn 300 student u studenta mill-Ewropa li lkoll jistudjaw u jaħdmu fil-qasam tal-psikoloġija.

Il-Kungress għandu jolqot diversi aspetti soċjali relatati mal-kultura Ewropea u l-istorja ta’ Malta inkluż l-aspett xjentifiku relatat mal-kultura soċjo-psikoloġika Ewropea bl-iskop li jwitti t-triq għal aktar għarfien fuq tema li potenzjalment hemm bżonn ta’ iktar riċerka u edukazzjoni dwarha fuq skala nazzjonali u globali; dik tas-saħħa mentali.