Lokali

FILMAT: Adrian Delia jgħid li m’għadx hemm kwistjonijiet pendenti dwar il-ħlas ta’ taxxa

"Il-kwistjoni hija ġie riżolta u hija magħluqa"

Il-kwistjoni dwar in-nuqqas ta’ qbil li kellu l-Kap tal-PN Adrian Delia mad-Dipartiment tat-Taxxa issa hija magħluqa wara li din ġie solvuta.

Adrian Delia żvela dan hu stess meta kien qed jitkellem f’intervista fuq Radio 101, fejn qal li l-ammont dovut ta’ €55,000 tħallas biex issa din il-kwistjoni hija magħluqa.

“Jiena kont tlabt l-accountant tiegħi jara l-affarijiet mad-Dipartiment tat-Taxxa. Għidt li fi ftit żmien kont ħa nirrisolviha. Illum irrisolvejt din l-issue li kelli, mhux xi issue ta’ barra minn din id-dinja. kien hemm kien hemm ammont dovut skont kif kont għidt jien ta’ 55,000 u dak tħallas”, qal Adrian Delia.

Huwa fakkar li dwar din il-kwistjoni huwa kien transparenti mill-bidunett.

“Kont jien l-unika persuna fl-istorja politika Maltija, li minn rgħajja, mingħajr ma kien hemm obbligazzjoni legali, kont għażilt qabel ħriġt għall-Kap tal-PN li nagħmel dikjarazzjoni tal-assi f’dettal kbir fejn jien stess għidt ukoll li kelli issue mad-Dipartiment tat-Taxxa fuq perjodu li għadda fejn kien hemm ammont li jien kont qed ngħid dovut,” żied jispjega.

Adrian Delia ċaħad bl-aktar mod kategoriku u giddeb lill-gazzetta tal-Partit Laburista Kullħadd li spinjat fake news billi implikat li l-flus biex tħallsu t-taxxi ġew mill-fondi tal-Partit Nazzjonalista.

“Jekk hawn xi ħadd li remotament irid jallega xi ħaġa, jagħmilha, jiġi quddiemi u ninvestigaw bl-iktar mod imma trasparenti u ċar kwalunkwe allegazzjoni”, sostna Adrian Delia.

Waqt li Adrian Delia qal li lest jagħti aċċess liberu fuq il-finanzi kollha tiegħu, temm jistieden lill-media tara jekk il-Membri Parlamentari kollha humiex lesti jagħmlu bħalu.