Lokali

FILMAT: “L-għalliema għandhom ikollhom l-aqwa appoġġ u mhux jiġu injorati fid-deċiżjonijiet” – Adrian Delia

Il-PN jemmen li ż-żgħażagħ għandhom jingħataw l-aħjar esperjenza edukattiva

“L-għalliema tagħna jixirqilhom l-aħjar ambjent u l-akbar għajnuna sabiex ikunu fl-aħjar pożizzjoni li jagħtu l-aqwa livell ta’ edukazzjoni liż-żgħażagħ tagħna. L-għalliema jagħmlu ħafna ma’ uliedna u għalhekk għandhom jiġu kkonsultati u mhux injorati mill-Gvern fit-teħid tad-deċiżjonijiet.”

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista mal-ġurnalist Sergio Mallia fuq Radio 101.

“L-iktar ħaġa li tkidd lill-għalliema mhux biss il-flus, imma r-rispett. Il-Gvern li ma jurix rispett lill=għalliema. U jekk ma jurihomx rispett il-Gvern, kif tippretendi li l-ġenituri u lt-tfal juru rispett?” staqsa Adrian Delia.

Adrian Delia qal li fit-teħid tad-deċiżjonijiet li saru dan l-aħħar fis-settur tal-edukazzjoni, l-għalliema u l-akkademiċi ma ġewx ikkonsultati. Dan bħalma ġara fid-deċiżjonijiet tal-pagi tal-għalliema, id-deċiżjonjijiet dwar il-Malti, t-tnaqqis fl-amomont tal-homework li se jingħata lill-istudenti u l-awtonomija tal-Università. Liema deċiżjoni dwar l-awtonomija tal-Università, l-Gvern kellu jirtira u dan għaliex ma kkonsultax mal-akkademiċi stess.

Spjega li l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista hija li jkun xprun għal revoluzzjoni fil-mod kif naħsbu dwar l-edukazzjoni.

“Irridu nħarsu lejn l-edukazzjoni b’mod li t-tfal tagħna nagħmluhom iċ-ċittadini t’għada, li japprezaw il-vlauri, kapaċi jkollhom l-għdood, ikunu flessibbli, jagħrfu jitgħallmu jaddattaw u jaħsbu. Irridu jerġa’ jkollna ġenerazzjoni ta’ ħassieba, li jivvintaw u jikkreaw u li jaraw kif se jieħdu l-pajjiż ‘il quddiem”, qal il-Kap tal-PN.

Sadanittant, dwar il-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf, Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia stieden lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex bl-aktar mod ċar jagħmel stqarrija ċara, bħal ma għamel il-PN, dwar il-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf. Dan hekk kif il-Gvern irid ineħħi minn din il-liġi eżistenti l-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf.

“Illum hemm il-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf. Il-Gvern irid ineħħiha. U qed jinsisti. Ried parir tal-Avukat Ġenerali. l-Avukat Ġenerali qed jgħid li għandna raġun aħna. Għalfejn irid ineħħi l-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf mil-liġi li teżisti diġà? Iweġibni l-Prim Ministru u jagħmel statement ċar daqs tagħna. Aħna abort, qatt. Jagħmlu dak l-istatement,” qal Adrian Delia.

Waqt l-intervista, Adrian Delia tkellem dwar suġġetti oħra fosthom il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għall-Kunsilli Lokali wara li ppreżenta 80 proposta għar-riforma tal-Kunsilli Lokali.

Dwar l-ambjent, Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista jrid ibidde il-mentalità biex juri li jista’ jkollna pajjiż li jħaddar iktar jekk l-ewwel u qabel kollox nibdew nippjanaw għall-iżvilupp li jsir. Temm jgħid li b’aktar ippjanar, in-negozji tagħna ma jbatux anzi jmorru aħjar.