Futbol Sport

Gowl fl-aħħar ipoġġi lil Qormi fil-Kampjonat Premier

It-tim ta' Qormi li beda l-partita (Ritratt: Martin Agius)
Jinsabu wkoll viċin ir-rebħ tal-kampjonat

VITTORIOSA S. ………1

QORMI …………………2

Vittoriosa: K. Magri, I. Abela, T. Abela Wilson, F. Arriagada Mella (A. Leilis 90’), D. Fava, J. Galea, L. Gauci (E. Mbong 28’), J. Pace, C. Spiteri, J. Ogonuppe (O. Obiefule 66’), T. Arakawa.

Qormi: J. Azzopardi, B. Grech, L. Adamec, Y. Yankam, L. Busuttil (T. Gusman 63’), J. Caetano da Silva (J. Salaroli  79’), A. Abela, A. Cassar, D. Vukovic, C. Matombo, M. Camilleri.

Referee: Darryl Agius

Gowl skorjat fl-aħħar sekondi minn Luobos Adamec poġġa lil Qormi fil-Kampjonat Premier hekk kif huma għandhom vantaġġ ta’ tmien punti fuq Żejtun li jinsabu fit-tielet post meta jonqos 180 minuta għat-tmiem tal-kampjonat.

Qormi kien jimmeritahom din il-promozzjoni wara staġun sħiħ fl-ewwel post tal-klassifika u issa jippruvaw ukoll li jitilgħu bħala champions hekk kif il-vantaġġ tagħhom fuq Pieta hu ta’ erba’ punti. Qormi kellhom jistennew sal-aħħar xutt jew aħjar l-aħħar daqqa ta’ ras tal-logħba, hekk kif minkejja s-superjorità tagħhom kienu qed ikunu miżmuma minn Vittoriosa li kellhom logħba ferm tajba.

L-ewwel azzjoni denja waslet fil-21 minuta meta Yannick Yankam krossja lejn Jose Lucas Caetano da Silva, dan ikkonkluda fix-xibka iżda l-gowl ġie mħassar minħabba pożizzjoni irregolari tal-istess plejer.  Mal-ħin Qormi bdew iżidu l-isforzi tagħhom fejn f’temp ta’ ftit minuti resqu viċin minn tentattivi ta’ Luke Busuttil u Michael Camilleri li iżda għaddew għoli.

Fit-38 minuta, Qormi reġgħu resqu viċin meta Michael Camilleri ġie antiċipat fil-ħin qabel seta’ jikkonkludi minn difensur avversarju. Madankollu żewġ minuti wara l-Qriema marru fil-vantaġġ meta MICHAEL CAMILLERI rċieva pass preċiż u wara li avvanza, dar mal-gowlkiper avversarju u kkonkluda fix-xibka.

Fit-58 minuta Vittoriosa għamlu l-iskor indaqs meta EMMANUEL MBONG għeleb lil Azzopardi b’xutt fil-baxx minn qagħda tajba. Wara dan il-gowl, il-logħob żvolġa l-aktar f’nofs il-grawnd b’Qormi jkollhom iktar mill-inizjattiva imma ftit li xejn ikunu perikolużi fl-attakk.

Filfatt kien biss fis-77 minuta li huma resqu viċin meta rovexxjata ta’ Yannick Yankam għaddiet tħakkek mal-lasta. Fl-aħħar minuti tal-partita Qormi tefgħu kollox fuq l-attakk fit-tentattiv li jiskurjaw il-gowl tar-rebħa u wara li laqtu l-lasta minn xutt ta’ Chris Matombo li ħabat mal-mimduda u baqa’ sejjer barra, fl-aħħar sekondi huma rnexxielhom jagħmlu dan meta LUBOS ADAMEC ikkonkluda fix-xibka b’daqqa ta’ ras.  Wara dan il-gowl Vittoriosa spiċċaw jilagħbu b’10 players wara li Irvine Abela ġie muri l-karta l-ħamra.

Riżultati oħra: Marsa v Żebbuġ R. 3-2, Qrendi v Melita 1-2, Sirens v Rabat 4-0

Klassifika wara 24 logħba: Qormi 53 punt, Pietà Hotspurs 49 punt, Żejtun Corinthians 45 punt, Mqabba 43 punt, Żebbuġ Rangers 41 punt, San Ġwann 39 punt, Vittoriosa Stars 35 punt, Sirens 28 punt, Pembroke Athleta 38 punt, Qrendi 26 punti, Marsa 24 punt, Żabbar St. Patrick 20 punt, Melita 18-il punt, Rabat 5 punti