Lokali

Il-President ta’ Malta tfakkar ir-raba’ anniversarju tal-ġurament tal-ħatra

Fl-okkażjoni tar-4 anniversarju minn mindu ħadet il-ġurament tal-ħatra, il-President Marie-Louise Coleiro Preca, tat rispett lill-Eks-Presidenti tar-Repubblika ta’ Malta, billi poġġiet bukketti tal-fjuri fuq il-monumenti ddedikati lilhom.

Il-President Coleiro Preca appellat għal darb’oħra lill-partiti politiċi biex jaħdmu fuq ir-riforma kostituzzjonali;

“Jeħtieġ li mill-kliem ngħaddu għall-fatti, u li mill-wegħdi ngħaddu għat-twettiq,” saħqet il-President, filwaqt li fakkret li l-poplu kollu għandu jkun mħeġġeġ sabiex jinvolvi ruħu fil-proċess li għandu jsir u li għandu jkun pubbliku, trasparenti u edukattiv.

Il-President irringrazzjat lill-Eks-Presidenti u l-Presidenti Emeriti, għall-ħidma tagħhom, u qalet li għandha s-sodisfazzjon li l-Presidenti ta’ pajjiżna issa huma mfakkra wkoll, permezz tal-kmamar statali ġodda li ġew inawgurati riċentament u tliet kmamar statali oħra fil-Palazz ta’ Sant’Anton li ssemmew għall-Eks-Presidenti u Presidenti Emeriti ta’ pajjiżna.

Dawn huma, Sala George Abela, Sala Eddie Fenech Adami, Sala Guido De Marco, Sala Ugo Mifsud Bonnici, Sala Ċensu Tabone, Sala Pawlu Xuereb, u Sala Agatha Barbara. Kien hawn li l-President Coleiro Preca selmet il-memorja tal-Eks-President, is-Sinjorina Agatha Barbara, li din is-sena jaħbat is-sittin anniversarju minn mindu kienet l-ewwel u l-uniku priġunier politiku f’Malta, fl-1958.

Fl-aħħarnett, fuq lir-rwol tal-media, il-President Coleiro Preca qalet li, filwaqt li temmen li l-media hija tassew ir-raba’ pilastru tad-demokrazija ta’ pajjiżna, hi temmen ukoll li l-media għandha dejjem tkun edukattiva u informattiva.

Hija tenniet li l-media għandha rwol essenzjali fix-xogħol ta’ pajjiżna, u huwa ħażin meta jkun hemm min jipprova ifixkel lill-istess media. Stqarret li f’sitwazzjoni, meta l-media soċjali qed tintuża biex jiġu mxerrda aħbarijiet foloz, “jiena nemmen li għandna nħallu lill-media tagħmel xogħolha, filwaqt li dejjem tkun edukattiva u informattiva, bil-għan li twassal il-verità mingħajr ebda parzjalità u preġudizzju.”