Lokali

Inċertezza fost sidien ta’ ħwienet fil-Belt u impjegati tagħhom

Sidien ta' ħwienet fil-Belt mikrija mingħand il-gvern jitkellmu ma' il-mument

Għadd ta’ sidien tal-ħwienet fil-Belt li għandhom kirjiet mal-Gvern għaddejjin minn inċertezza kbira dwar il-futur tagħhom minħabba li ma jistgħux jiġġestixxu n-negozju tagħhom kif jixtiequ minħabba li ma għandhomx permess li jistgħu jagħmlu użu minn benefiċċju li jagħtihom il-ftehim il-ġdid ta’ kirjiet fit-tul mal-Gvern.

Dawn is-sidien qalu lil il-mument li din l-inċertezza mhix biss fil-konfront tagħhom, imma wkoll fil-konfront ta’ ħaddiema tagħhom li jħossuhom imdendlin dwar x’se jkunu qed jagħmlu fil-futur tagħhom.

Sidien li għandhom kirjiet ta’ ħwienet mingħand il-Gvern qalu lil il-mument li kien f’Mejju tal-2016 meta huma kienu infurmati biex jagħżlu bejn li jkollhom il-kirja tagħhom mitmuma wara għaxar snin u jroddu ċ-ċwievet lura, jew inkella jidħlu għal kirja fit-tul, 45 sena, b’rati stabbiliti mill-Gvern li fil-verità huma ferm ogħla minn dawk imħallsa fil-preżent. Barra minn hekk, iċ-ċens jogħla kull sena b’ħamsa fil-mija.

Mal-64 sid ta’ ħanut mikri mill-Gvern daħlu għal dan il-ftehim fit-tul mal-Gvern u applikaw. Kull applikazzjoni kienet tiswa €500, iżda dawn daħlu għal dan l-impenn.

Ġara iżda li sa ftit tal-ġranet ilu ma sar xejn b’mod konkret u kollox tħalla mdendel sal-punt li meta sidien kienu jċemplu lid-Dipartiment tal-Artijiet ftit li xejn kienu jingħataw sodisfazzjon f’hiex kienu waslu l-affarijiet. Kienu jgħidulhom iżda li kien se jitwaqqaf Bord apposta biex jiġġestixxi hu dawn il-kirjiet tas-sidien tal-ħwienet fil-Belt li jikru mingħand il-Gvern. Diment li ma jitwaqqafx dan il-Bord, allura dan il-ftehim ma setax jidħol fis-seħħ.

Ġara iżda li fil-jiem li għaddew id-Dipartiment tal-Artijiet beda jibgħat għas-sidien biex jiffirmaw dan il-kuntratt. Madankollu qed jirriżulta li l-istess sidien, għaliex dan il-Bord għadu ma twaqqafx u allura l-kirja ma tistax tidħol fis-seħħ sakemm isiru l-arranġamenti kollha, ma jistgħux jibdew jibbenefikaw minn dak li joħroġ mill-istess kirja fit-tul, fosthom li huma jistgħu jerġgħu jikru lil terzi oħrajn (sub-letting).

Dawn is-sidien fissru li huma għaddejjin minn żminijiet ta’ inċertezza kbira għaliex filwaqt li qed inaqqsu mill-istocks tagħhom, issa se jkollhom jibdew iħallsu l-kirjiet il-ġodda li huma ferm ogħla minn qatt qabel. Madankollu u fl-istess ħin, huma ma jistgħu jagħmlu sub-letting tan-negozju tagħhom għaliex irid jitwaqqaf il-Bord li se jkun qed jieħu ħsieb hu dan ix-xogħol.

Dawn is-sidien qalu li din hi inġustizzja kbira magħhom għaliex filwaqt li huma daħlu għal impenn qawwi, ma jistgħux idaħħlu xi forma ta’ kirja huma biex hekk jifdu l-ispejjeż li daħlu għalihom.

Hemm imbagħad il-kwistjoni tal-impjegati li jaħdlu f’dawn il-ħwienet fejn ħafna minn dawn ukoll qed jgħixu f’inċertezza kbira għaliex ma jafux x’se jkun qed jiġri fil-futur tagħhom.

Huma temmew jappellaw lill-awtoritajiet konċernati biex jieħdu din il-kwistjoni bis-serjetà għaliex fin-nofs hemm l-għajxien ta’ ħafna familji li direttament huma milquta.