Internazzjonali Mużika

L-armla ta’ Elvis issostni li għamel suwiċidju

Priscilla Presley, l-armla tal-kantant leġġendarju, sostniet li Elvis kien għamel suwiċidju. Priscilla Presley, li għandha 72 sena, qalet dan f’dokumentarju ġdid tal-HBO bl-isem Elvis Presley: The Searcher.
Hi qalet li hu kien sar dipendenti fuq ċerti pilloli u kien jaf x’kien qed jagħmel meta ħa d-doża li wasslet għall-mewt tiegħu fl-età ta’ 42 sena fl-1977. Ftit tax-xhur ilu fl-Istati Uniti kien hemm dibattitu dwar dak li ntqal li kienu ittri ta’ Elvis u li fihom jgħid li ried jagħmel suwiċidju.
F’Diċembru nstabu ittri ta’ Elvis lill-manager tiegħu Joe Esposito. Tnejn mill-ittri kien fihom ħjiel li Elvis kien imdejjaq b’ħajtu. Hu jgħid ukoll li kien jistħi li ma setax jaqta’ l-vizzju tad-drogi u li t-telfa ta’ Priscilla kien l-ikbar żball ta’ ħajtu.
Waħda mill-ittri kienet bid-data ta’ Jannar tal-1977 – seba’ xhur qabel ma miet. L-armla tiegħu qalet li kemm hi kif ukoll diversi persuni qrib ta’ Elvis kienu ppruvaw ibegħduh mid-drogi li kien jieħu, imma bla suċċess
Priscilla u Elvis kienu żżewġu fl-1967 u sena wara kellhom tifla, Lisa Marie. Huma ddivorzjaw fl-1973. Priscilla temmen li Elvis sar dipendenti fuq ċerti tipi ta’ mediċini meta serva fl-Armata Amerikana. Hi qalet li meta kien stazzjonat il-Ġermanja, l-Armata kienet tagħtihom pilloli biex jibqgħu mqajmin waqt il-manuvri u kien hawn fejn hu mbagħad sar dipendenti fuqhom.

Tags