L-eks-President tal-Brażil Luiz Inácio Lula da Silva beda jiskonta piena ta’ 12-il sena ħabs wara li ta ruħu f’idejn il-Pulizija. Hu ċeda ruħu wara jumejn ta’ tensjoni li fihom mar jistkenn fil-bini ta’ union ewlenija fil-pajjiż u fejn partitarji tiegħu nġabru madwar il-bini biex ma jħallux il-Pulizija jidħlu għalih.
Iżda finalment Lula ħareġ mill-bini f’Sao Bernardo do Campo qrib Sao Paulo u ttieħed lejn il-ħabs. Lula baqa’ jinsisti li kien innoċenti imma qal li kien se jċedi ruħu f’idejn l-awtoritajiet sakemm jinstema’ l-appell tiegħu. Hu ttieħed lejn il-ħabs f’Curitiba b’ħelikopter.
Apparti din il-kundanna, Lula għandu sitt kawżi oħra l-ħabs minħabba korruzzjoni.
Bħala persuna l-ħabs, Lula suppost ma jistax jikkontesta l-elezzjoni f’Ottubru iżda d-deċiżjoni finali hi f’idejn il-qorti elettorali Brażiljana jekk Lula jiddeċiedi li jissottometti l-kandidatura tiegħu.
L-eks President Brażiljan Lula jmur il-ħabs


