Il-gazzetta il-mument illum żvelat li meta għada se jkun qed jiltaqa’ l-Kumitat Parlamentari għall-Kunsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġijiet, il-Gvern Laburista tal-Prim Ministru Joseph Muscat se jkun qed jivvota kontra li l-ġurnalist Malti jkun protett fl-istejjer tiegħu minn sinjuruni barranin li biex jagħlqu ħalq il-ġurnalist Malti jiftħu fi Qrati barra minn Malta kawżi kontrih għad-danni ta’ miljuni ta’ flejjes.
F’dawn l-aħħar xhur f’pajjiżna rajna kumpaniji bħal Henley & Partners u Pilatus Bank jheddu lil ġurnalisti u portals tal-aħbarijiet Maltin b’passi legali li jinvolvu spejjeż esaġerati.
Hu evidenti li l-intenzjoni wara dawn il-kawżi mhi xejn ħlief intimidazzjoni tal-ġurnalisti u ripressjoni tal-istampa libera.
Fid-dawl ta’ dan ix-xenarju, il-mument illum tista’ tkompli tiżvela kif minn Kastilja ħarġet ordni biex il-membri tagħha f’dan il-Kumitat għall-Kunsiderazzjoni ta’ Abbozzi ta’ Liġijiet għada jivvutaw kontra dak li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista biex iħares l-interessi tal-ġurnalist Malti.
Is-sorsi ta’ il-mument fil-Partit Laburista żvelaw magħna li l-iskuża li se jkun qiegħed iġib il-Gvern għada meta jivvota kontra dawn il-proposti tal-Partit Nazzjonalista hu li biex ikun qiegħed jirrispetta d-direttiva tal-Unjoni Ewropea li s-sentenzi fil-Qrati fl-Unjoni Ewropea jkunu rispettati mill-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea.
Kien aktar minn xahrejn u nofs ilu id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ippreżenta Private Member’s Bill b’numru ta’ emendi biex il-kmamar tal-aħbarijiet ma jiġux mhedda b’azzjonijiet legali. Dakinhar hu ressaq emendi għall-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Media u d-Defamazzjoni li kienet qed tkun diskussa fil-Parlament u li hi magħrufa bħala anti-SLAPP (Strategic Lawsuit Against Public Participation).
L-iskop tal-emendi anti-SLAPP hu li jkunu qegħdin jipprevjenu milli f’Malta jkollna ftuħ ta’ kawżi fil-Qorti bl-unika raġuni tkun dik li tipprova ssikket u tintimida lill-ġurnalisti. Dan minħabba li l-kawża jkollha spiża legali għolja u għaldaqstant numru ta’ kmamar tal-aħbarijiet f’Malta ma jkollhomx ir-riżorsi biex iħallsu, bil-konsegwenza li jkollhom jirtiraw l-artikli inkwistjoni avolja jista’ jkun li jkunu veritiera.
//= $special ?>