Silenzju assolut mill-Prim Ministru Joseph Muscat meta waqt attività politika fil-Każin Laburista tal-Marsa, baqa ma ddikkjarax jekk il-Gvern tiegħu hux se jkun qed jipproteġi lit-tarbija fil-ġuf.
Dan minkejja stedina mill-Kap tal-PN Adrian Delia biex jagħmel dikjarazzjoni ċara bħal ma għamel il-PN, jiġifieri li hu favur il-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf – protezzjoni li l-Gvern ta’ Joseph Muscat irid ineħħi minn liġi eżistenti.
Fl-istess attività politika, il-Mexxej Laburista kkonferma l-ħsieb ta’ ħafna: li l-Gvern jagħlef lil ta’ fuq u jistenna li l-frak jinżel taħt.
Hu qal dan fl-istess nifs li kien qed jikkummenta dwar kemm sejra tajjeb l-Ekonomija u kif, skont hu, minnha qed igawdi kulħadd.
U filwaqt li qal li dan il-Gvern ma jitfax il-problemi taħt it-tapit, spjega kif numru ta’ persuni għadhom bla xogħol għax huma ‘unemployable’ – mhux kapaċi jaħdmu.
Dwar l-immigranti irregolari, Muscat għamel dikjarazzjoni bil-kontra ta’ dak li għamel ftit tas-snin ilu. Għax filwaqt li fil-leġislatura li għaddiet kien ipprova jimplimenta l-‘pushback’, issa qed jgħid li l-immigranti irregolari m’għandhomx jitkeċċew mill-pajjiż.
Mhux għax jaħseb li l-‘pushback’ hi perikoluża għall-immigranti, iżda għax skont hu ma nsibux min jagħmel ix-xogħol li jagħmlu huma.
Dwar kwistjonijiet lokali, Muscat għamel referenza għad-diffikultajiet li qed jiltaqgħu magħhom il-Marsin u residenti ta’ lokalitajiet fil-qrib. Innota kif fl-aħħar ġimgħat, kien hemm żieda fl-infurzar fit-toroq minn Pulizija u Uffiċjali oħra.
Madankollu, nesa jfakkar fil-pressjoni li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia tefa’ fuq il-Korp tal-Pulizija u fuq il-Ministru Michael Farrugia biex l-infurzar jiżdied wara li mar għall-għarrieda fl-Għassa tal-Pulizija fil-Marsa u sabha magħluqa.
//= $special ?>