Napoli reġgħu jinsabu erba’ punti taħt Juventus wara li b’mod drammatiku għelbu lil Chievo 2-1. Wara li Dries Mertens falla penalty fil-51 minuta, Chievo marru minn fuq fit-73 minuta meta Giaccherini ħa vantaġġ minn żball fid-difiża u qassam lejn MARIUSZ STEPINSKI li għeleb lil Reina b’xutt b’saħħtu.
Napoli ġabu d-draw fid-89 minuta meta Insigne sab lil ARKIADUSZ MILIK li b’daqqa ta’ ras għeleb lil Sorrentino. In-Naplitani komplew jagħfsu għar-rebħa u fit-92 minuta skorjaw il-gowl tar-rebħa, meta minn azzjoni ta’ korner, il-ballun spiċċa għand AMADOU DIAWARA li b’xutt għar-rokna tefa’ lill-partitarji tiegħu f’dellirju ta’ ferħ.
Inter sfaw megħluba minn Torino 1-0 biex naqsu li jaqbżu lil Roma fit-tielet post. Il-gowl deċiżiv ġie skorjat fis-36 minuta meta kross ta’ de Silvestri mil-lemin għadda tul il-lasta, b’ADAM LJAJIC ikun pront biex jegħleb lil Handanovic.
Crotone u Verona kisbu rebħiet f’darhom iżda xorta baqgħu fiż-żona tar-relegazzjoni. Verona għelbu lil Cagliari 1-0 fi Stadio Bentegodi. Huma skorja il-gowl deċiżiv fis-36 minuta wara li r-referee Paolo Valeri ordna penalty permezz tal-VAR. Mill-11-il metru ROMULO għeleb lil Cragno li seta’ biss imiss il-ballun.
Crotone min-naħa tagħhom għelbu lil Bologna 1-0 fi Stadio Enzo Scida. Huma skorjaw il-gowl tar-rebħa fil-25 minuta meta minn kross ta’ Stoian, SIMY skorja b’xutt mill-ewwel.
//= $special ?>