It-titjira tal-Air Malta KM633, li kienet skedata li tidħol Malta fl-4.15pm, mistennija tasal Malta 11-il siegħa wara l-ħin skedat għall-ħabta tat-3.05 ta’ filgħodu. Dan wara li l-ajruplan ma setax jitlaq mill-Ajruport ta’ Palermo minħabba ħruġ ta’ fjuwil mill-ajruplan.
Passiġġiera abbord l-ajruplan tard waranofsinhar fuq Facebook qalet li se jintbagħat ajruplan ieħor iktar tard illejla, għall-ħabta ta’ nofsillejl jew iktar tard, wara li l-passiġġieri abbord irrifjutaw li jtiru bl-istess ajruplan. Il-passiġġieri, li tniżżlu mill-ajurplan, iktar kmieni tħallew fil-għama fuq x’ħin eżatt se jirriturnaw Malta.
Kawża tal-ħruġ tal-fjuwil, jidher li l-ajruport ta’ Palermo ngħalaq għal madwar nofs siegħa minħabba s-sigurtà tal-istess ajruport iżda tul dan il-ħin, il-passiġġieri nżammu fuq l-ajruplan jistennew. Passiġġiera oħra lmentat fuq in-nuqqas miżuri ta’ sigurtà f’każijiet bħal dawn hekk kif tħallew siegħa fuq l-ajruplan jistennew bil-fjuwil ħiereġ minn taħthom.
Intant fi stqarrija, l-Air Malta kkonfermat il-każ. Ġiet segwita l-proċedura normali f’każijiet bħal dawn billi ssejjħu uffiċċjali tal-emerġenza sabiex jassistu lill-passiġġieri u s-sigurtà tagħhom.
//= $special ?>