Lokali

Qabda rekord ta’ droga sintetika tinżamm mistura

F’nofs ix-xahar ta’ Marzu Uffiċjali tal-Ħabs f’Kordin għamlu qabda rekord ta’ droga sintetika li għal xi raġuni baqgħet mistura.

Jirriżulta li nhar it-18 ta’ Marzu li għadda Uffiċjali tal-Ħabs għamlu tiftix intensiv fiċ-ċelel ta’ Division 3. Proprju f’ċella minnhom beda jirriżulta li kien hemm xi tip ta’ droga, iżda minkejja bosta tfittxijiet baqgħet ma nstabet l-ebda traċċa ta’ droga.

Minkejja li l-Uffiċjali tal-Ħabs prattikament qalgħu kull rokna f’din iċ-ċella, ir-riżultati baqgħu negattivi, sal-punt meta kien deċiż li jinqala’ t-toilet minn postu biex issir tfittxija fih ukoll.

Fil-fatt hekk ġara u momentarjament ir-riżultat kien negattiv ukoll. Madankollu meta t-toilet ittieħed għal aktar investigazzjonijiet u kien deċiż li jitkisser, fil-parti ta’ taħt tiegħu nstab pakkett b’ċirka ta’ 80/100 gramma droga sintetika.

B’din is-sejba kienet infurmata t-tmexxija tal-Ħabs li ordnat li jissoktaw aktar investigazzjonijiet dwar id-droga maqbuda.
Nifhmu li wara din is-sejba t-tmexxija tal-Ħabs ordnat ukoll biex il-priġunier inkwistjoni jittieħed f’ċella f’Division 6.

Jirriżulta li l-priġunier involut f’din id-droga sintentika kien jaħbi d-droga tiegħu f’pakkett imgeżwer sew u mbagħad impoġġi f’parti mit-toilet b’tali mod li biex dan il-pakkett jinħareġ lura juża virga tal-ħadid.

Jirriżulta li din x’aktarx li kienet qabda rekord ta’ droga sintetika fil-Ħabs ta’ Kordin.

Dwar din il-qabda kienu mgħarrfa wkoll il-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga.