Sebastian Vettel kiseb it-tieni rebħa tal-istaġun wara li rebaħ il-Grand Prix tal-Bahrain f’tiġrija li kellha tmiem missielet. Il-Ġermaniż għeleb l-isfida ta’ Valtteri Bottas tal-Mercedes, bid-differenza finali bejn it-tnejn tkun anqas minn sekonda.
Ferrari qelbu lil Vettel fuq strateġija f’nofs it-tiġrija għal waqfa waħda, meta deher li kien se jitlef id-dwell ma’ Bottas u potenzjalment Lewis Hamilton, kieku daħal għat-tieni waqfa. Bottas laħaq lil Vettel fil-fażi finali, iżda ma setax jaqbeż lill-erba’ darbiet champion tad-dinja. Kimi Raikkonen kellu jirtira meta kien fit-tielet post wara waqfa ħażina li fiha mekkaniku weġġa’.
Ġurnata negattiva għal Red Bull hekk kif kemm Daniel Ricciardo u Max Verstappen kellhom jirtiraw kmieni fit-tiġrija. Pierre Gasly kiseb riżultat pożittiv għal Toro Rosso bir-raba’ post, segwit minn Kevin Magnussen ta’ Haas u Nico Hulkenberg tar-Renault.
McLaren spiċċaw fis-seba’ u t-tmien post permezz ta’ Fernando Alonso u Stoffel Vandoorne rispettivament, b’Marcus Ericsson tas-Sauber u Esteban Ocon tal-Force India jkomplu l-ewwel għaxra.
//= $special ?>