Lokali

It-traffikanti tad-droga jafu qed imexxu s-sustanzi illeċiti fil-garaxx ta’ ħdejk

Il-ġurnal The Sunday Times of Malta jitkellem ma' uffiċjal għoli fil-Korp tal-Pulizija

It-traffikanti tad-droga qed jikru l-garaxxijiet madwar Malta u Għawdex bil-għan li jqiegħdu l-annimali fihom għal raġuni speċifika.

Artiklu fuq il-ġurnal The Times of Malta żvela li t-traffikanti qed iżommu l-annimali fil-garaxxijiet sabiex itelfu lill-klieb tal-pulizija milli jxommu d-droga.

Uffiċjal għoli fil-Pulizija li tkellem mat-Times of Malta rrakkonta li l-kriminali dejjem jaraw kif jgħamlu biex jibqgħu dejjem pass ‘il quddiem biex jaħarbu minn id il-ġustizzja. Is-sors anonimu spejga li fl-aħħar xhur dawn it-traffikanti qed jikru garaxxijiet f’irħula madwar il-gżira – il-bogħod minn lokalitajiet assoċċjati ma’ din it-tip ta kriminalità.

Ġie spjegat li bil-għan li ma jqajmux suspetti, jitħaltu mal-komunità u żgur li ma jiġbdu l-ebda attenzjoni fuqhom. Madanakollu skont is-sors qrib l-imsemmi ġurnal, uħud mit-traffikanti bdew irabbu l-annimali f’tentattiv li jtelfu l-klieb tal-Pulizija milli jxommu u jsibu d-droga moħbija.

Matul ix-xahar li għadda biss, il-Pulizija arrestat grupp t’għaxar min-nies waqt raid f’garage ġewwa Ħal Qormi. F’dan il-każ partikolari l-garage tbiddel f’appartament fejn fih kienet tinbiegħ u saħansitra tiġi kkonsmata d-droga.

Dan filwaqt li f’Jannar, l-Pulizija wettqu sejba droga ta’ madwar tletin kilogramma kannabis kif ukoll €42,000 flus kontanti waqt raid fil-Ħamrun, fejn ġew arrestati 3 irġiel.