Futbol Sport

Valletta japprofittaw miż-żelqa ta’ Balzan

Cristian Zaccardo jipprova jwaqqaf lil Santiago Malano (Ritratt: Joseph Galea)
Valletta jinsabu fil-quċċata żewġ punti fuq Balzan

Rapport: George Cassar

VALLETTA…………….3

ĦAMRUN S…………….0

Valletta: N. Vella, E. Pena Beltre, J. Borg, S. Borg, R. Camilleri, R. Muscat, S. Malano, R. Saleh, M. Alba (Denni 75’), M. Piciollo (M. Mifsud 67’), K. Nwoko (J.G. Cruz 82’)

Ħamrun: Jake Galea, C. Zaccardo (Julian Galea 67’), T. Espindola, D. Zerafa, Tiago, T. Caruana, D. Camilleri, Guilherme, A. Faria Machado (M. Criaco 88’), L. Micallef, A. Nilsson (R. Vella 90’)

Skorjaw: K. Nwoko 33’, S. Malano 40’ K. Nwoko 77’ (V)

Imwissija: D. Zerafa 62’ (Ħ), R. Camilleri 73’, H. Bonello 74’ (V)

Referee: Eman Grech

Assistenti Referees: Mitchell Scerri, Luke Portelli

In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: Kyrian Nwoko (Valletta)

Attendenza: 2,690

Valletta ħadu l-massimu mit-telfa ta’ nhar is-Sibt ta’ Balzan hekk kif rebħu lil Ħamrun Spartans u wara ħafna xhur telgħu fl-ewwel post. Din kienet rebħa prezzjuża għall-Beltin li b’hekk issa jiddependi biss minnhom jekk jirbħux il-kampjonat jew le.

Dan ifisser li jekk Valletta jirbħu ż-żewġ konfronti li fadlilhom kontra Floriana u Gżira United huma jirbħu l-24 kampjonat fl-istorja tagħhom, irrispettivament mir-riżultati li jkollhom Balzan.

Valletta wrew l-intenzjonijiet tagħhom mill-ewwel u ddominaw il-partita mill-bidu sal-aħħar b’Ħamrun ftit li xejn ikollhom risposta. Il-kowċ Ħamruniż Jacques Scerri kien indispost u t-tim tmexxa mill-assistent Ryan Pulis.

Valletta marru fil-vantaġġ ftit wara li qabżu n-nofs siegħa logħob meta x-xutt minn barra l-kaxxa ta’ Kyrian NWOKO kien devjat mid-difensur Ħamruniż Daniel Zerafa li fixkel lill-gowlkiper Jake Galea bil-ballun jispiċċa fir-rokna tax-xibka. Valletta rduppjaw ftit qabel intemmet l-ewwel taqsima. Minn pass ta’ Matteo Piciollo mix-xellug, Santiago MALANO xxuttja mill-ewwel bil-ballun jgħaddi minn taħt Jake Galea u jċaqlaq ix-xibka.

Malli bdiet it-tieni taqsima Piciollo ra lill-gowlkiper Ħamruniż isalva b’siequ mill-viċin. Għoxrin minuta mit-tmiem Jake Galea salva tajjeb ix-xutt mid-distanza ta’ Miguel Alba.

Kwarta mit-tmiem Valletta għalqu l-logħba bit-tielet gowl. Ix-xutt minn barra l-kaxxa ta’ Rowen Muscat kien salvat minn Jake Galea iżda l-ballun donnu kien jaħraq għall-gowlkiper Ħamruniż għax ħarablu minn idu. Michael Mifsud u Kyrian NWOKO daħlu għar-rebound u kien dan tal-aħħar li skorja d-doppjetta f’lasta vojta.

Valletta baqgħu jiddominaw u resqu qrib anki r-raba’ gowl permezz tas-sostitut Denni Rocha dos Santos li x-xutt imkaxkar tiegħu għadda ftit barra.