Ajruplani tal-gwerra, aktarx Iżraeljani, matul il-lejl bejn il-Ħadd u t-Tnejn attakkaw bażi tal-ajru tar-reġim Sirjan lejn il-Lvant ta’ Homs. Dan skont ma sorsi tal-militar tar-Russja u s-Sirja.
Il-militar Russu qal li żewġ ajruplani F-15 ta’ Iżrael wettqu l-attakk mill-ispazju tal-ajru tal-Libanu u li s-sistemi tad-difiża Sirjani spiċċaw iniżżlu ħamsa minn fost it-tmien missili li kienu sparati lejn il-bażi.
Intant, il-kelliem għall-militar ta’ Iżrael ma kellu l-ebda kumment x’jagħti.
It-Televiżjoni Sirjana rappurtat, sadanittant, dwar splużjonijiet kbar qrib il-mitjar tal-bażi ‘T-4’ fid-deżert, ‘il hinn minn Homs, u li l-attakk kien seħħ matul is-sigħat bikrin tat-Tnejn.
L-Istati Uniti, fl-istess ħin, ċaħdet għal rapporti inizjali li ‘l-attakk x’aktarx li kien ġej min-naħa tal-Amerikani’. Dan fost rapporti oħra minn osservaturi li referew ‘għall-qtil waqt l-attakkta’ millanqas 14 il-membru ta’ gruppi armati li qed jingħataw appoġġ mill-Iran’.
Il-bażi inkwistjoni – bejn Homs u z-zona antika ta’ Palmyra – intużat diversi drabi mill-qawwiet tal-ajru tar-Russja. Madankollu mhux ċar jekk l-ajruplani militari tar-Russi kienux fil-bażi fil-ħin meta seħħ l-aħħar attakk mill-Iżraeljani,
Bażi tal-ajru Sirjana f’mira ta’ attakk misterjuż


