Internazzjonali

Ebda ħjiel dwar ir-raġuni wara tal-attakk ta’ Muenster

L-investigaturi Ġermaniżi m’għandhomx ħjiel għaliex raġel Ġermaniż ta’ 48 sena saq vann għal fuq folla nies is-Sibt fil-pjazza ewlenija tal-belt ta’ Muenster. Att li fih żewġ persuni tilfu ħajjithom u s-sewwieq spiċċa biex qatel ruħu b’idejh ftit wara.
Il-Pulizija jidher li qed teskludi l-possibbiltà li dan kien attakk terroristiku. Kien hemm rapporti li indikaw li r-raġel kellu problemi mentali u li dan kien midħla tal-estremisti tal-lemin imma l-Pulizija mhux qed tikkonferma dawn id-dettalji.
Il-Pulizija qalet li ma jidhirx li kien hemm xi rabta politika, partikolarment dik estremista, fil-ġest imdemmi li twettaq.
Ix-xufier qed ikun identifikat biss bħala Jens R. ta’ 48 sena. Il-vittmi kienu mara ta’ 51 sena u raġel ta’ 65 sena.
Il-vann instaq għal fuq in-nies li kien hemm f’pub magħruf, Kiepenkerl. Ġewwa l-vann il-pulizija sabu logħob tan-nar illegali magħmul f’forma ta’ bomba kif ukoll pistola falza. Ġewwa l-appartament tar-raġel, li hu qrib il-post fejn seħħet it-traġedja, il-Pulizija sabet aktar logħob tan-nar kif ukoll machine gun tat-tip AK-47 imma li ma kienx jispara.
Apparti dawk maqtula, hemm 20 persuna oħra midruba fosthom sitta b’mod serju.
Ilbieraħ żar il-post Horst Seehofer, il-Ministru tal-Intern Ġermaniż, flimkien ma’ uffiċjali għolja Ġermaniżi oħra u filgħaxija sar servizz speċjali fil-Katidral Paulus ta’ Muenster.
L-attakk f’Muenster seħħ hekk kif fi Stokkolma, il-kapitali tal-Iżvezja, kien qed jitfakkar l-ewwel anniversarju mill-attakk simili minn estremista Iżlamiku. Attakk li fih ħames persuni kienu nqatlu. Is-sewwieq, Rakhmat Akilov, bħalissa għaddej proċess il-qorti.