Lokali

Il-Kunsill Lokali tal-Mosta kburi li wara l-insistenza tiegħu sar x-xogħol fi Vjal Indipendenza

Il-Kunsill Lokali tal-Mosta qal li xtaq li dan ix-xogħol sar qabel ħalli r-residenti u min juża t-triq ma jgħaddux mill-inkonvenjent li għaddew

Il-Kunsill Lokali tal-Mosta fi stqarrija nnota li b’sodisfazzjoni ix-xogħolijiet li qed isiru fi Vjal Indipendenza l-Mosta jinsabu fi stadju avvanzat.

Il-Kunsill Lokali qal li fl-2015 kien hu li għamel talba lill-Gvern biex isir dan ix-xogħol hekk kif l-ispiża ma setax tiġi assorbita mill-Kunsill Lokali tal-Mosta mill-allokazzjoni tiegħu u kif ukoll peress li din taqa’ taħt ir-responsabilita’ ta’ Transport Malta. Fl-istqarrija, il-Kunsill qal li xtaq li dan ix-xogħol sar qabel ħalli r-residenti u min juża t-triq ma jgħaddux mill-inkonvenjent li għaddew, finalment qed jaraw li fuq insistenza tal-Kunsill wasslu li dan ix-xogħol jitwettaq.

Madanakollu, l-Kunsill Lokali esprimaw d-diżappunt tiegħu hekk kif il-Gvern ma kkonsultax miegħu qabel beda x-xogħol u tħalla totalment fil-għama f’dak li għandu x’jaqsam ma’ għeluq ta’ toroq u devjazzjoni tat-traffiku.

Bħala parti minn dawn ix-xogħolijiet, il-Kunsill Lokali tal-Mosta talab ukoll sabiex tul it-triq kollha jsiru miżuri ta’ traffic calming ħalli it-triq tkun iktar sigura kemm għas-sewwieq, għar-residentu u kif ukoll għal dawk kollha li jużawha.

Il-Kunsill qal li jittama li dan ix-xogħol isir għas-sodisfazzjoni tar-residenti kollha li jgħixu f’din iż-żona kif ukoll tal-Mostin kollha u se sservi biex ikomplu jgħollu l-livell tal-ambjent fejn jgħixu.