Lokali

Il-pagi tal-ħaddiema f’Malta huma inqas mill-medja Ewropea

Ritratt: Arkivji (Martin Agius)
Statistika tal-Eurostat turi kif il-ħaddiema f'Malta jaqalgħu pagi ferm inqas mil-medja tal-Unjoni Ewropea u anke taż-żona Ewro

Malta tibqa’ tirreġistra taħt il-medja Ewropea fil-pagi tal-ħaddiema – fejn impjegati f’Ċipru, Slovenja u Spanja qegħdin igawdu minn pagi aħjar. Filfatt, statistika maħruġa mill-Uffiċju Ewropew tal-Istatistika, Eurostat, turi li l-ħaddiema f’Malta qegħdin jaqalgħu pagi ferm inqas mill-medja ta’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea u anke l-medja ta’ pajjiżi fiż-żona Ewro.

Ukoll, Malta tinsab ferm ‘l isfel meta wieħed iqabbel l-ispiża tax-xogħol fis-siegħa – fejn din l-istatistika tal-ispiża tax-xogħol fis-siegħa tinkludi kemm il-pagi u s-salarji tal-ħaddiema, u kif ukoll il-kontribuzzjoni soċjali.

Malta kklassifikat fit-18-il post fl-Unjoni Ewropea, fejn pajjiżi bħal Spanja, Ċipru, Greċja u Portugall klassifikaw qabel pajjiżna. Filwaqt li aktar ‘l isfel minn Malta nsibu pajjiżi bħal Bulgarija, Romanija, u l-Polonja.

Skont l-aħħar statistika ppublikata mill-Eurostat, f’Malta l-ispiża tax-xogħol hi ta’ €13.20 fis-siegħa. Minn naħa l-oħra il-medja fiż-żona Ewro hi ta’ €29.98 fis-siegħa – jiġifieri aktar mid-doppju ta’ dik f’Malta. Filwaqt li l-medja fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea hi ta’ €26.30 fis-siegħa, li wkoll anke hawnhekk tfisser iddopju tal-ispiża tax-xogħol ikkalkulata f’Malta.

Anke ż-żieda fir-rata perċentwali tal-ispiża fix-xogħol hi inqas miż-żieda Ewropea, hekk kif Malta irreġistrat żieda ta’ 2%, filwaqt li l-medja taż-żieda kienet dik ta’ 2.3% fl-Unjoni Ewropea.

Ara t-tabelli t’hawn taħt ippubblikati mill-Eurostat:

Estratt mir-rapport tal-Eurostat: