Għawdex Kunsilli Lokali Lokali

Jirriżenja l-Viċi Sindku tal-Munxar, Robert Mallia

Fis-17 t'April se ssir elezzjoni każwali

Il-Viċi Sindku tal-Munxar Robert Mallia, elett f’isem il-Partit Laburista, irriżenja mill-kariga u issa mistennija ssir elezzjoni każwali biex jimtela’ postu.

Għall-aħħar xhur Mallia kien qed jassumi wkoll ir-rwol ta’ sindku tal-lokalità hekk kif is-sindku eletta, Carmen Said, tinsab indisposta.

Mallia kien wieħed mill-iktar voċiferi fil-Munxar kontra l-applikazzjoni għall-ipproċessar tal-ħmieġ tal-annimali li hija ppjanata mil-Gvern Laburista li ssir fil-lokalità tal-Munxar.

Filfatt lejn tmiem ix-xahar li għadda, Mallia appoġġja mozzjoni mressqa mill-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalisti fil-Munxar Damien Spiteri u Paul Curmi f’laqgħa urġenti tal-Kunsill imsejħa mill-istess kunsillieri Nazzjonalisti.

Din il-mozzjoni kontra l-bini tad-demmiela fil-Munxar ġiet approvata hekk kif imressqa u b’mod unanimu mill-kunsilliera preżenti u fiha jissemma’ l-impatt negattiv ta’ dan il-proġett fosthom  li kull vettura li tkun qed iġġorr dan l-iskart li jrejjaħ, irid jgħaddi miċ-ċentru tar-raħal kif ukoll minn diversi toroq residenzjali tal-lokalità.

Dan minbarra l-inkonvenjenza li se tinħoloq peress li se jiżdied bil-bosta t-traffiku ta’ vetturi kbar fil-lokalità matul il-ġurnata kollha. Tali proġett jista’ jwassal ukoll għal detriment fuq saħħet in-nies tal-lokal.

L-elezzjoni każwali biex jimtela’ post Robert Mallia mistennija ssir nhar it-Tlieta 17 t’April.