Lokali

RITRATTI: Dak kollu li seħħ fl-inċident traġiku fiż-Żurrieq

Id-dettalji u r-ritratti f'dak kollu li seħħ fl-inċident fiż-Żurrieq li qajjem emerġenza maġġuri mill-awtoritajiet

Artiklu miktub minn: Matthew Mamo u Darren Carabott

Inċident fatali ieħor fit-toroq Maltin hekk kif double decker mimlija turisti li kienet qed tinstaq fi Triq Valletta, fiż-Żurrieq, laqtet siġra bil-konsegwenza li żewġ persuni mietu fil-post. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-16:15 tat-Tnejn waranofsinhar meta x-xufier, żagħżugħ ta’ 24 sena, kien qed isuq mid-direzzjoni taż-Żurrieq lejn Ħal Kirkop.

Mal-impatt, biċċiet mill-parti ta’ quddiem tad-double decker tqaċċtu, bil-konsegwenza li ntlaqtu passiġġieri oħra li kienu bilqegħda fil-parti ta’ fuq tad-double decker.

Immedjatament fil-post intbagħtet flotta ta’ ambulanzi, pulizija kif ukoll uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili li waslu b’diversi mezzi. Filfatt ftit tal-ħin wara l-inċident, id-Dipartiment tal-Emerġenza fi ħdan l-Isptar Mater Dei iddikjara l-każ bħala inċident maġġuri. Fuq il-post is-sitwazzjoni mill-ewwel dehret kritika, bl-ewwel li jaslu jkunu l-uffiċjali tar-Rapid Intervention Unit li rrakkuntaw episodji ta’ qsim il-qalb meta għexieren ta’ turisti xxukkjati b’dak li raw quddiemom bdew jiġru f’nofs ta’ triq iwerżqu u jitolbu għall-għajnuna.

Dan fl-istess waqt li matul it-triq kien hemm ukoll fdalijiet tal-vittmi, f’xena mill-iktar makabri.

Kien hemm bżonn ukoll ħidma delikata ħafna minħabba l-qagħda kritika ta’ wħud minn dawk involuti u li kienu fil-parti ta’ fuq tal-vettura. Dan fisser li kien hemm bżonn l-għajnuna ta’ krejn tal-Protezzjoni Ċivili biex il-feruti jitniżżlu minn fuq id-double decker u jitwasslu sal-ambulanza. Iktar tard fil-post bdew jaslu diversi esperti tal-Qorti li ġabru l-evidenza, sakemm finalment waslet hearse tal-Pulizija li ħadet l-iġsma bla ħajja tal-vittmi.

Minbarra ż-żewġ persuni li mietu kien ukoll madwar ħamsin persuna oħra feruti fl-inċident bi tnax minnhom huma tfal, u erba’ minn dawk involuti jinsabu fi stadju kritiku – li tnejn minnhom huma żewġt itfal. Dawk kollha involuti fl-inċident huma ta’ nazzjonalita’ barranija, ħlief għax-xufier u qarib tiegħu li kien abbord. Iż-żewġ persuni li tilfu ħajjithom huma mara ta’ 37 ta’ nazzjonalita’ Spanjola u raġel Belġjan ta’ 62.

Mill-ħamsin persuna feruti, 31 minnhom ittieħdu lejn l-isptar Mater Dei f’numru ta’ vjaġġi b’ambulanzi filwaqt li 19-il persuna oħra ttieħdu fiċ-Ċentru tas-Saħħa f’Raħal Ġdid.

Intant, iż-żewġt itfal li jinsabu f’qagħda kritika huma żewġ Ingliżi ta’ 6 u 8 snin. Dan filwaqt li ma ġewx żvelati aktar dettalji dwar l-identita’ tal-persuni feruti – ħlief li hemm numru ta’ persuni minn nazzjonalitajiet differenti fosthom Amerikani, Ingliżi, Kanadiżi, u Taljani –  fejn il-Ministru Chris Fearne ikkonferma li qed isir kuntatt mal-ambaxxati rispettivi dwar dan l-inċident.

Sitt persuni li kienu abbord ittieħdu l-isptar Mater Dei fejn erbgħa minnhom jinsabu fit-taqsima tal-kura intensiva – hekk kif uħud minnhom saret operazzjoni maġġuri fuq il-parti tal-fuq tal-ġisem, hekk kif sofrew ġrieħi l-aktar f’rashom, għonqhom, u spallejhom. Il-persuni feriti, minbarra iż-żewġt itfal huma Ingliż ta’ 44 sena, Ġermaniża ta’ 31 sena, anzjana Taljana ta’ 72 sena, raġel ta’ 35 sena li n-nazzjonalita’ tiegħu għadha ma ġietx stabbilita’. F’pazjent minnhom se ssir operazzjoni f’għonqu biex titneħħa l-għadma minn quddiem is-sinsla.

Intant saret talba mill-Isptar Mater Dei hekk kif hemm nuqqas tat-tip tad-demm O-Negative.

Madanakollu fil-konferenza tal-aħbarijiet fl-isptar Mater Dei, meta mistoqsi mill-ġurnalisti preżenti dwar il-mod kif seta’ seħħ l-impatt mas-siġra – il-Ministru ma ta l-ebda informazzjoni, u ma rrispondix jekk it-turisti kienux qegħdin bilwieqfa jew bilqegħda fis-sular ta’ fuq.

Il-Ministru Chris Fearne ikkonferma li s-sewwieq ma kienx wieħed minn dawk li ttieħed fit-taqsima tal-kura intensiva, hekk kif wara l-inċident hu ddaħħal l-isptar fuq saqajh u jiflaħ, minbarra l-istat ta’ xokk.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fi tweet fuq Twitter ta l-kondoljanzi lill-familji tal-vittmi filwaqt li appella biex kulħadd jikoordina mal-awtoritajiet f’dan il-jum traġiku.

 

Aktar ritratti meħuda minn Matthew Tabone u Timo Turpeinen:

Aqra aktar artikli dwar dak li seħħ:

RITRATTI: Il-vittmi huma Spanjol u Belġjan

50 persuna feruti; 4 f’kundizzjoni kritika, fosthom żewġt itfal

XENA TAL-BIŻA’: Tnejn imutu wara li double-decker laqtet siġra; 6 f’kundizzjoni kritika