Lokali

Sentejn ħabs wara li ammetta li seraq

Ir-raġel li l-Ħadd ġie miżmum min-nies wara li pprova jisraq ħanut f’Ħaż-Żebbuġ intbagħat sentejn priġunerija.

Alexander Scicluna ta’ 52 sena mir-Rabat għamel żewġ serqiet fi ħwienet f’temp ta’ jumejn imma f’dik li wettaq il-Ħadd inqabad min-nies li kienu fil-viċinanzi tal-ħanut. L-akkużat ammetta l-akkużi.

Fis-serqa li għamel il-Ħadd Scicluna seraq mal-elf ewro fi flus kontanti mill-cash register ta’ ħanut f’Ħaż Żebbuġ. Wara li seraq l-akkużat ħarab mill-post b’numru ta’ persuni ġrew warajh u rnexxielhom iżommuh sakemm waslu l-pulizija.

Fl-investigazzjonijiet il-pulizija irnexxielha ssolvi serqa oħra li saret lejliet f’ħanut fir-Rabat. F’din is-serqa nsterqu 50 ewro.

Ir-raġel ammetta l-akkużi kontrieh u l-qorti qalet li l-akkużat għandhu jingħata l-opportunità għar-rijabilitazzjoni għall-vizzjoni tad-droga.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Kylie Borg u Saviour Baldacchino. Id-difiża tmexxiet mill-avukat tal-għajnuna legali Christopher Cauchi.