Internazzjonali

Strajk estiż għall-ajruporti Ġermaniżi

Unjoni ta’ ħaddiema ewlenija fis-settur pubbliku bdiet tħeġġeġ għal aktar azzjonijiet industrijali waqt tilwima dwar pagi — b’din il-miżura tispiċċa taffettwa lill-ħaddiema mal-ajruporti ewlenin tal-pajjiż, fost ir-riperkussjonijiet inevitabbli għat-titjiriet.
L-unjoni ‘Verdi’ qed titlob żieda ta’ sitta fil-mija fil-paga għal madwar 2.3 miljun impjegat fid-diversi sezzjonijiet tas-settur pubbliku madwar il-Ġermanja.
Il-kelliema għall-unjoni qalu li membri tal-ground staff u xi ħaddiema mas-servizzi għall-kontroll tan-nirien, it-Tnejn, kellhom josservaw strajk fl-ajruporti ta’ Frankfurt, Munich, Cologne u Bremen.
Dan waqt li l-operatur Fraport, fl-ajruport ta’ Frankfurt, wissa lill-passiġġieri fuq Twitter biex, mil-lum stess, jistennew it-taqlib partikulari fis-servizz.
Mistenni round ieħor ta’ taħditiet ‘dwar il-pagi’ bejn il-‘Verdi’ u l-awtoritajiet relevanti bejn il-15 u s-16 ta’ April.